Friday, December 13, 2024

“Aħna l-uniku partit li għandna l-viżjoni lesta bi programm elettorali ċar”

Aqra wkoll

Waqt intervista t-Tnejn filgħaxija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal: “Ilni sena u ħames xhur kap ta’ dan il-partit li fihom nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem fejn ma ħlejtx minuta biex mhux biss insaħħu l-partit imma wkoll biex insaħħu l-vuċi tal-Oppożizzjoni. Hija evidenti li dan il-partit irnexxielna nkomplu nsaħħuħ.”

Żied jgħid: “Mhux biss konna ippreparati sa mill-ewwel ġurnata tal-kampanja elettorali pero evidenti li issa li bdejna t-tielet ġimgħa, aħna l-uniku partit li għandna l-viżjoni lesta bi programm elettorali ċar li jista’ jagħti alternattiva lill-poplu. Ħaddiehor għadu jikteb, għadu jikkopja, jaqra u jikwota mill-ktieb tagħna. Nazzarda ngħid li l-programm elettorali tal-Labour hawn qiegħed, kulma jrid jagħmel huwa jbiddel il-qoxra. Jikkupjaw mill-PN. Evidentement li dawn m’għandhomx pjan.”

Grech qal li s-suċċess tiegħu dejjem qisu fuq kemm jagħmel ħiltu u xi jħalli warajh. “S’issa għandi l-unur ngħid illi l-partit mexa ‘l quddiem u qiegħed f’pożizzjoni ħafna aħjar. Din l-elezzjoni mhix la dwari  u lanqas dwar il-partit imma dwar kemm il-poplu jrid l-uniku viżjoni li sa issa teżisti.”

Tkellem ukoll dwar l-istazzjon nazzjonali u fi kliemu dan huwa maħtuf minn Robert Abela.

Waqt l-intervista tkellem dwar dik li sejjaħ bħala differenza bejn Abela u bejnu. “Robert Abela m’għandux ideat. M’għandux modi kif joħloq setturi ekonomiċi ġodda. Mela allura dan maqbud biex bilfors jibqa’ marbut mal-bejgħ taċ-ċittadinanza. M’għandhomx mod ieħor kif joħolqu l-ġid. Żewġ modi hemm minn fejn iġibu l-flus, jew miċ-ċittadinanza jew billi jkomplu jżiedu d-dejn nazzjonali. Jekk trid li dan il-pajjiż ma jibqax iżid id-dejn nazzjonali u trid li xi darba ma nibqgħux dipendenti fuq nies li jiġu f’pajjiżna biex jixtru ċ-ċittadinanza… għandek għażla: Partit Nazzjonalista. Għandek għażla: Lili.”

Qal ukoll li jinkwetah id-diskors li l-politiċi huma kollha l-istess. “Mhux veru, mhux veru. Il-politiċi m’humiex kollha l-istess. Robert Abela jridek temmen hekk għax tant qata’ qalbu bil-ħmieġ li għandu hu u ta’ madwaru li biex jipprova jinġabar qed jgħidlek ‘u dawn huma bħalna.’  Fil-PN hemm 70 kandidat li lkoll daħlu biex iservuk.”

Ekonomija

Sport