Tuesday, April 30, 2024

“Aħna partit magħqud u għax magħqudin aħna rebbiħin”

- Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne

Aqra wkoll

Fl-għeluq tal-ewwel sezzzjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, tkellem id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne fejn fetaħ id-diskors tiegħu billi sellem il-memorja tal-eks-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici.

“Nafu bħala bniedem onest, ħabb il-klassi tal-ħaddiema u ħabb lill-Partit Laburista. L-ewwel kliem ta’ Karmenu Mifsud Bonnici meta sar mexxej kien – li jien ambizzjoni waħda biss għandi li nkun ta’ servizz għal kawża tal-ħaddiema. Għal din l-ambizzjoni ħadem bis-sħiħ,” qal Fearne.

Id-Deputat Prim Ministru sostna li meta ħa t-tmexxija tal-partit Karmenu Mifsud Bonnici “kien hemm li l-partit kien se jinqasam. Però hu rnexxielu jżommu magħqud u f’saħħtu”

Intant, Fearne kompla jgħid li bħalissa fid-dinja hawn gwaj kbir u dan ħadd ma jista’ jiċħdu. “Kull meta kien hemm gwaj kbir madwar id-dinja l-ewwel li jbati jkun il-ħaddiem. F’pajjiżi oħra hekk qed jiġri. Qed jiżdiedu l-prezzijiet tal-fjuwils b’mod fenominali. Qed jintilfu l-impjiegi, qed jitnaqqsu l-pagi… Iżda f’Malta le għax minkejja kull problemi u sfidi l-piż qed iġorru l-Gvern u mhux il-familji,” sostna d-Deputat Prim Ministru.

Hu kompla jgħid li mhux talli ma naqsux il-pensjonjiet iżda dan il-Gvern reġa’ żiedhom. Sostna li mhux talli fil-baġit li għadda reġa’ ma kien hemm l-ebda żieda fit-taxxi, talli din is-sena se jerġa’ jitqassam ċekk tat-tax rebate.

Id-Deputat Prim Ministru waqt li kien qed jindirizza lid-delegati sostna li għalhekk il-Partit dejjem irid iħares lejn il-futur, xorta waħda ma rridux ninsew l-istorja u nitgħallmu minnha.

Hu qal li jinsab kburi mmens li jagħmel partit minn Gvern Laburista minħabba li l-istorja dejjem uriet li kull meta l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema ma marrux lura għax kien hemm Gvernijiet Laburisti.

Meta ġie biex jitkellem dwar il-pandemija Fearne sostna li Alla ħares waqt dan iż-żmien kien hemm Gvern Nazzjonalista għax kienu jmutu l-eluf ta’ persuni. Hawn fakkar li l-PN kien qal li “l-vaċċin ma kienx soluzzjoni għal din il-pandemija.”
Dr Fearne wieħed ma jistax jorbot aktar fuq l-Oppożizzjoni. Staqsa jekk mill-elezzjoni ġenerali ‘l hawn il-Kap tal-PN għamilix xi proposta waħda pożittivi għal dan il-pajjiż. “Hija sfortuna li l-PN sar irrelevanti. Ngħid dan b’dispjaċir u mhux b’xi arroganza. Illum spiċċajna li NGO tagħmel ħoss aktar minn PN. U spiċċa hekk ghax il-PN hu mifrud u maqsum f’elf biċċa,” sostna d-Deputat Prim Ministru.
Il-kelliem għalaq l-ewwel sezzjoni tal-Konferenza Ġnerali billi qal li “aħna partit magħqud u għax aħna magħqudin aħna rebbiħin. Aħna magħqudin fil-bnazzi u fil-maltemp u aktar ma jiġi maltemp aktar ningħaqdu.”

Sport