Tuesday, April 30, 2024

“Il-fiduċja tiġi billi tieħu deċiżjonijiet tajbin”

- Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef

Aqra wkoll

Waqt l-ewwel sezzjonijiet tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, id-Deputat Mexxej Daniel Micallef sostna li ntagħżel il-messaġġ “Fiduċja f’Pajjiżna” għal din il-konfernza minħabba li dan il-Gvern dejjem ħa deċiżjonijiet biex il-pajjiż jibqa’ miexi ‘l quddiem.

“Fl-aħħar xhur u snin ħadna deċiżjonijiet li bihom inħolqu mitt elf impjieg, li permezz tal-pjan tal-Gvern biex jiġġieled il-pandemija llum morna għal normalità, li f’pajjiżna qatt ma kien f’lockdown, li l-prezzijiet tal-fjuwil u enerġija baqgħu l-istess fost affarijiet oħrajn,” sostna d-Deputat Mexxej tal-PL.

Micallef sostna li “ma nemmnux fl-awsterità kif jagħmel ħaddieħor. Ħadna deċiżjonijiet li bihom stajna nippreżentaw baġit f’saħħtu ħafna għal sena oħra.”
Micallef tkellem ukoll dwar dak li għaddej madwar id-dinja fost l-aktar riċenti fejn sostna li d-dinja waqfet hekk kif waqgħu l-bombi fuq pajjiżi membru tan-NATO u anke membru tal-Unjoni Ewropa. Hu sostna li pajjiżna jibqa’ jemmen li ma jistax ikun hemm paċi mingħajr ma jkun hemm djalogu.

Id-Deputat Mexxej sostna li l-Gvern Laburista jemmen f’Malta Waħda u mhux tagħhom u tagħna. Qal li meta jsir xi ħaġa tajba fil-pajjiż bħal meta ħadna l-aħbar li Malta se tkun membru fil-Kunsill tas-Sigurtà mill-ewwel il-Partit Nazzjonalista qal li dan qed isir b’mertu tiegħu.

“Iżda imbgħad meta xi ħaġa tmur inqas tajjeb mill-ewwel jgħidulek li tort tal-Partit Laburista u jgħidulek li issa l-Gvern Laurista ilu disa’ snin fil-Gvern. Eżatt bħal meta Malta ddaħlet fil-greylisting. Kemm qal Bernard Grech li tort tagħna ġara hekk,” sostna Daniel Micallef.

Il-kelliem qal li fl-aħħar jiem kienet qed issir konferenza dwar gaming f’pajjiżna u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista mar iżurhom “u bil-kemm ma riedx jgħid li din il-konferenza saret bis-saħħa tiegħu. Li ma qal lid-delegati tal-konferenza li ftit xhur qabel kien qal li se jkollhom jitilqu minn pajjiżna minħabba li dħalna fil-greylisting.”

Tkellem ukoll dwar l-emenda fil-liġi li tiddefendi l-omm meta tkun f’periklu waqt it-tqala u ħajjitha tiġi salvata u tiddefendi lit-tobba li jkunu jassistu biex ikunu protetti bil-liġi. “Ħafna qalulna li din hija prassi li ilha ssir… però l-omm trid ċertezza li ħajjitha ma tkunx il-periklu. Anke t-tobba għandhom ikollhom iċ-ċertezza li minħabba li jagħmlu xogħlhom ma jispiċċawx il-Qorti,” sostna Micallef.

Hu sostna li se jkun hemm opinjonijiet diversi anke fil-Partit Laburista stess, però hemm bżonn li jkun hemm rispett lejn kull opinjoni.

Id-Deputat Mexxej sellem lill-eks-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici. Micallef sostna li kien Karmenu Mifsud Bonnici li beda jimmodernizza lill-Partit Laburista. “Baqa’ jsib il-kwartieri bħala d-dar tiegħu sal-aħħar.”

Temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lid-delegati u l-attivisti tal-Partit Laburista. “Ma nistgħu nieqfu niġeddu u nbiddlu. Bl-attitivizmu tagħkom qegħdin nagħmlu tibdil kbir fil-pajjiż. L-1000 proposta qegħdin isiru 1000 kisba,” temm jgħid id-Deputat Mexxej Daniel Micallef.

Sport