Wednesday, April 17, 2024

Aktar għajnuna finanzjarja lil NGOs soċjali

Aqra wkoll

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal issiġilla ftehim soċjali ieħor ma’ Fondazzjoni Suret il-Bniedem biex tkun tista’ tkompli topera Dar Leopoldo. Din ir-residenza tilqa’ rġiel li għal raġunijiet diversi jkunu bla saqaf fuq rashom u għalihom mhux biss isservi ta’ xelter u ta’ post fejn jieklu kuljum, iżda tgħinhom jerġgħu jintegraw fis-soċjetà.

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Michael Falzon li tenna l-impenn tal-gvern biex ikompli jassisti għaqdiet li jgħinu persuni vulnerabbli. L-allokazzjoni finanzjarja ta’ din is-sena telgħet għal €12-il miljun, u b’kollox hemm 34 ftehim ma’ 25 NGO separata. Din hi l-akbar allokazzjoni finanzjarja ta’ kull żmien għal dawn il-ftehimiet soċjali.

Il-ftehim ma’ Dar Leopoldo jassigura s-servizz ta’ 18-il sodda f’din ir-residenza ta’ semi-independent living, b’finanzjament li jlaħħaq €650,430 fuq medda tat-3 snin li ġejjin.

“L-għan aħħari ta’ dan kollu hu li nsaħħu l-kwalità tal-ħajja filwaqt li nżommu ’l bogħod kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ faqar u l-esklużjoni soċjali. Minkejja dan kollu, xorta jibqgħu jeżistu sitwazzjonijiet li jeħtieġu għajnuna speċifika lil dawk li bl-ebda mod ma jkun irnexxielhom jibbenefikaw b’xi mod jew ieħor. Hawnhekk jidħol is-sehem tal-gvern li joħroġ idu u jagħti s-sapport neċessarju u dak kollu meħtieġ lil fondazzjonijiet bħal dawn”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Ekonomija

Sport