Jekk Frar mela l-bjar, Marzu fawwarhom hekk kif ġab miegħu iżjed xita min-norma klimatika. Fil-fatt, matul ix-xahar li għadda, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 81 mm xita, jiġifieri Marzu qabeż il-kwota tax-xahar b’ 41.3 mm xita. L-aktar jum imxarrab kien il-25 ta’ Marzu meta f’inqas minn 24 siegħa, niżlu 34.4 mm xita fuq il-Gżejjer Maltin.
Fil-fatt, minn nofs ix-xahar sal-aħħar tax-xahar, sistema ta’ pressjoni baxxa fuq l-Alġerija ġabet magħha ħafna trab mid-Deżert Sahara għal fuq iċ-Ċentru tal-Mediterran. Dan wassal biex il-25 ta’ Marzu jkun ukoll wieħed mill-aktar jiem imdallma tax-xahar. Dakinhar, kif ukoll nhar it-2 u s-7 ta’ Marzu, ix-xemx baqgħet mistura għal kollox wara s-sħab u t-temp imċapjar.
Minkejja x-xita, b’temperatura medja ta’ 15.7°C, ix-xahar li għadda kien 1.6°C aktar sħun min-norma klimatika. L-ogħla temperatura tax-xahar telgħet għal 25.5°C fil-11 ta’ Marzu, filwaqt li l-aktar lejl kiesaħ kien dak tal-21 ta’ Marzu, meta l-merkurju niżel għal 9°C.
Marzu kien ukoll aktar mirjieħ, bil-qawwa medja tar-riħ kienet dik ta’ 11.3 knot, jiġifieri 1.8 knots aktar min-norma klimatika. L-aktar buffura tar-riħ b’saħħitha nefħet min-Nofsinhar Kwarta Lbiċ fl-24 ta’ Marzu u laħqet l-40 knot.
TEMP SABIĦ GĦALL-ĠIMGĦA L-KBIRA U ĦADD IL-GĦID
Għall-jiem li ġejjin l-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar temp ftit imsaħħab, b’temp xemxi u sabiħ mistenni għal Ħadd il-Għid.
Għal Ħamis ix-Xirka (17 ta’ April), mistenni riħ pjuttost qawwi mill-Punent Majjistru (Forza 5 għal 6) li jsir moderat sa filgħaxija (Forza 4 għal 5).
Sa nhar il-Ġimgħa l-Kbira filgħodu (18 ta’ April) r-riħ se jkompli jnaqqas u jsir ħafif u varjabbli sa filgħaxija b’temperatura ta’ 21°C matul il-jum u li tinżel għal 13°C filgħaxija. Temp simili huwa mistenni għal Sibt il-Għid (19 ta’ April).
Nhar Ħadd il-Għid (20 ta’ April) ix-xemx mistennija tiżreġ u r-riħ se jibqa’ ħafif. Dakinhar ukoll qed nistennew l-ogħla temperatura li tmiss il-21°C filwaqt li l-inqas tinżel għal 14°C.
Għall-aħħar tbassir tat-temp żuru s-sit maltairport.com/weather.