Kif issemmi l-kunflitti mill-ewwel jiġuk f’moħħok il-kunflitt fl-Ukrajna u dak li għaddej fi-Lvant Nofsani. Il-kunflitt Ukren ilu għaddej sa minn Frar tas-sena 2022. Aktar minn erba’ snin. F’Gaża, il-kunflitt ilu għaddej mis-sena 2023, kunflitt li prattikament kines lil Gaża. Illum il-kunflitt dejjem qiegħed jinfirex aktar lejn ix-Xatt tal-Punent. Imma l-kunflitt mhumiex f’dawk iż-żoni biss. F’żoni oħra fid-dinja hemm kunflitti oħra għaddejjin li ftit li xejn nisimgħu bihom. Huma kunflitti li minħabba fihom hemm miljuni ta’ nies fi bżonnijiet ta’ għajnuna umanitarja fosthom ikel u mediċini.
Hemm sitwazzjoni ta’ instabbilità fl-Afganistan fejn hu stmat li 21.9 miljun għandhom bżonn għajnuna umanitarja. Iċ-Ċhad jibqa’ post mifni b’kunflitt b’madwar 4.5 miljun persuna fi bżonn ta’ għajnuna umanitarja. Ma’ dan, il-Kongo u l-Etjopja, li kunflitti reġjonali li minħabba fihom, hemm madjaw 45 miljun persuna fi bżonn ta’ għajnujna umanitarja. Ma’ dawn imbagħad hemm kunflitti fil-Haiti, f’Burkina Faso u n-Niger, is-Somalia, is-Sudan u l-Jemen.
U quddiem dawn il-kunflitt li ilhom għaddejjin snin, il-mistoqsija li toħroġ hi x’ħidma qiegħda ssir biex fid-dinja tirrenja l-paċi? Niftakru żmien fejn politiċi kienu jintermedjaw biex iseħħ il-paċi. Politiċi li kienu jaħdmu biex verament isseħħ il-paċi. Illum dan it-tip ta’ intervent u iniżjattivi jidher li sparixxew. Paroli u stqarrijiet kemm trid. Imma sustanza ftit li xejn. U sadanittant il-kunflitt jibqgħu għaddejjin. U magħhom jibqgħu telgħin in-numri tal-vittmi.
Dan il-falliment hu ta’ tħassib. Mhux biss qegħdin infallu milli nġibu l-paċi imma jidher li għebu għal kollox iniżjattivi biex isseħħ il-paċi. Donnu drajna bil-kunflitti. Donnu l-interessi li jridu l-gwerer u li jridu t-tensjoni, huma ferm aktar b’saħħithom minn ta’ dawk li lesti jaħdmu għal paċi.
U mhux talli m’aħniex nieħdu iniżjattivi għall-paċi, talli llum qegħdin naraw li qiegħda tiżdied il-ġirja għal aktar armamenti ġodda u biex jiżdiedu li hemm. Fost dawn hemm l-Unjoni Ewropea, li kienet twaqqfet bil-prinċipju tas-solidarjetà u li fl-Ewropa ma ssirx gwerra oħra. Minkejja dan, qegħdin naraw l-Unjoni Ewropea iżżid in-nefqa fl-armamenti u ddeċidiet li għall-ewwel darba tgħin pajjiż b’mod dirett f’kunflitt, lil Ukrajna.
U meta țara dawn il-kunflitti u l-apatija biex iseħħ il-paċi, ma tistax ma tistaqsix fejn hi n-Nazzjonijiet Uniti. X’qiegħda tagħmel biex issaltan il-paċi? Ma nistgħux ma nistaqsux fejn hi l-aġenda favur il-paċi.?
Quddiem il-kunflitt li hawn fid-dinja bħalissa, ma nistgħux ma nistaqsux meta id-dinja se titgħallem li f’kull kunflitt li jsir m’hemm ebda rebbieħ. Fi gwerra l-ebda nazzjon mhu se jirbaħ iżda hemm telliefa biss. Igawdu biss mill-kunflitt, dawk li jimmanifatturaw l-armi. Il-kunflitti iġibu telf ta’ ħajjiet innoċenti. Tkissir ta’ infrastruttura li imbagħad huma l-istess popli li jridu jerġgħu jibnuhom mit-taxxi tagħhom stess.
Il-mistoqsija tagħna hi sempliċi ħafna…..meta l-mexxejja se jkollhom aġenda ċara favur il-paċi? Aġenda li mhux tara lil min se taġevola jew lil min se titfa’ lura. Aġenda li l-għan tagħha tkun li fid-dinja verament tinħoloq il-paċi. Aġenda li fiha ma jkunx hemm min ikollu interessi ulterjuri biex kunflitt jew ieħor jibqa’ għaddej. Aġenda li fiha ma narawx min jistaħba wara xi paraventu, bl-interess tiegħu ikun li kunflitt partikolari jibqa’ għaddej.
Qegħdin naraw Nazzjonijiet Uniti ineffettiva. Nazzjonijiet Uniti li mhux jirnexxielha iġġib iż-żewġ partijiet flimkien. Ma rnexxielhomx iwaqqfu il-ġlied biex għallinqas ipoġġu madwar mejda u tinstab soluzzjoni. M’hemm ebda dubju li l-kunflitti li hawn bħalissa juru ħaġa waħda ċara – il-falliment għan-Nazzjonijiet Uniti li tintervjenti biex iġġib il-paċi.
