Esperti Amerikani fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin ser jiġu Malta biex jagħtu taħriġ lill-uffiċjali Maltin li qegħdin jimplimentaw l-istrateġija nazzjonali u l-pjan ta’ azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin li ġew imnedija s-sena li għaddiet.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg ħabbret dan waqt konferenza li mmarkat l-għeluq ta’ programm ta’ kooperazzjoni bejn id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari u esperti tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Kummissjoni Ewropea li għenu fir-riċerka u t-tfassil tal-istrateġija nazzjonali u l-pjan ta’ azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg innutat li t-tħaddim tal-istrateġija diġà beda jagħti riżultati f’każijiet li ġew investigati mill-pulizija. Hija qalet li dawn ir-riżultati ser ikomplu jissaħħu bl-implimentazzjoni tal-Labour Migration Policy li bħalissa tinsab fi stadju ta’ konsultazzjoni pubblika.
Waqt li raddet ħajr lill-esperti li għenu fit-tfassil tal-istrateġija nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin, is-segretarju parlamentari saħqet li l-politika tal-gvern f’dan il-qasam għandha fil-qalba tagħha l-ġlieda kontra ċ-ċrieki ta’ kriminalità organizzati u l-protezzjoni u l-għajnuna lill-vittmi.
Hija tenniet l-impenn tal-gvern li anke f’dan il-qasam ipoġġi fuq quddiem nett il-ħarsien tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għaliex it-traffikar uman huwa l-akbar diżrispett u insult lid-dinjità tal-vittmi ta’ din l-kriminalità.
Il-konferenza offriet l-opportunità għall-workshops li fihom saret evalwazzjoni u diskussjonijiet bejn l-esperti Maltin u Ewropej għat-twaqqif ta’ mekkaniżmi għat-twettieq effettiv tal-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni.
Il-konferenza ġiet indirizzata fost oħrajn mis-Segretarju Eżekuttiv tal-Konvenzjoni Ewropea kontra t-Traffikar tal-Bnedmin Petya Nestorova u uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea.