Żewġ klijenti tal-BOV li għandhom kard tal-Visa, flimkien ma’ persuna oħra tal-għażla tagħhom ġew preżentati b’pakket b’kollox inkluż, biex jesperjenzaw it-Tazza tad-Dinja tal-FIFA 2026 fl-Istati Uniti tal-Amerika, grazzi għal Visa. Ir-rebbieħa ttellgħu fi tmiem il-kampanja BOV Visa Spend & Win marbuta mat-Tazza tad-Dinja, li ttellgħet bejn is-16 ta’ Frar u s-26 ta’ April li għadda. Ir-rebbieħa ġew preżentati bil-premjijiet tagħhom, f’avveniment li ttella’ fl-Istadium Nazzjonali ta’ Ta’ Qali.
Ir-rebbieħ tal-ewwel premju, il-Kaptan Alex Muscat Sciortino, rebaħ 4 t’iljieli b’kollox inkluż b’akkommodazzjoni f’lukanda ta’ 4 stilel fi New York, u żewġ biljetti tal-għola kategorija għall-finalissima tat-Tazza tad-Dinja li se tintlagħab fi New Jersey Stadium fi New York, il-Ħadd 19 ta’ Lulju. Ir-rebbieħa tat-tieni premju, is-Sa. Fleur Marie Ghirxi, rebħet 5 t’iljieli b’kollox inkluż b’akkommodazzjoni f’lukanda ta’ 4 stilel f’Miami, u żewġ biljetti tal-għola kategorija, għal żewġ partiti mill-Fażi tal-Gruppi.
Waqt li feraħ lir-rebbieħa, iċ-Chief Personal & Wealth Officer fil-Bank of Valletta, is-Sur Simon Azzopardi, irringrazzja lil Visa ta’ din l-opportunità għall-klijenti tal-Bank. “Visa, apparti li tagħti appoġġ lil wieħed mill-aktar avvenimenti importanti tal-football bħal ma hija t-Tazza tad-Dinja, tappoġġja lilna lkoll billi tiffaċilitalna u tassigura l-pagamenti li nagħmlu ta’ kuljum. Dawn iż-żewġ rebbieħa, biex waslu s’hawn kellhom jużaw il-kards tal-Visa minn tal-inqas 25 darba matul il-kampanja, u jafu sew xi tfisser il-konvenjenza u s-serħan il-moħħ li l-pagamenti bil-Visa joffru, sew permezz tal-firxa wiesgħa ta’ kards fiżiċi disponibbli, kif ukoll permezz ta’ soluzzjonijiet b’kartiera diġitali.”
Għall-preżentazzjoni tar-rebbieħa, minbarra ċ-Chief Personal & Wealth Officer tal-BOV, attendew ukoll il-Kap tal-Ebanking Unit tal-BOV, is-Sur Chris Degabriele, il-Kap tal-Marketing & Product Lifecyle Management, is-Sur Daniel Magrin, u l-Visa Country Manager għal Malta, is-Sur David Farrugia.
Hekk kif l-istennija ta’ kull 4 snin issa għaddiet, it-Tazza tad-Dinja tal-FIFA 2026 tinsab għaddejja bħalissa fil-Messiku, l-Istati Uniti u l-Kanada. L-edizzjoni ta’ din is-sena hija l-ikbar waħda, b’rekord ta’ 104 partiti milgħuba fuq perjodu ta’ 39 jum, u bil-parteċipazzjoni ta’ 48 tim nazzjonali.


