Waqt ċerimonja li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta tat ir-rikonoxximent u l- Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija 2026 lil Jayana Chircop.
Dan il-premju huwa organizzat mil-Laboratorju tal-Paċi, immexxi minn Patri Dijonisju Mintoff, u jirrikonoxxi tfal li b’mod regolari jwettqu ġesti ta’ tjubija ma’ tfal oħra fil-ħajja ta’ kuljum.
Din is-sena, ir-rebbieħa Jayana Chircop li għandha 11-il sena kienet nominata mit-tmexxija tal-Iskola Primarja tar-Rabat, Malta, li tifforma parti mill-Kulleġġ San Nikola fejn tattendi.
Jayana, minn rajha u mingħajr ħadd ma jisfurzaha tagħmel dan, tgħin bil-qalb kollha lil Cataleya Borg, tifla fil-klassi tagħha li għandha bżonn l-għajnuna u l-wens.
L-appoġġ ma jaqta’ xejn li tagħtiha Jayana, kif ukoll il-mod kif twettaq din l-għajnuna, iwassal lil Cataleya tħossha milqugħa mill-oħrajn u li tagħmel parti sħiħa mill-klassi, daqs l-istudenti l-oħra kollha.
Waqt okkażjonijiet speċjali li torganizza l-iskola, Jayana tagħmel ħilitha kollha biex Cataleya tieħu sehem u b’hekk taqsam ma’ sħabha l-ferħ li huma parti minn dik l-okkażjoni, fejn kollha kemm huma jħossuhom apprezzati u maħbuba.
Fl-għażla tar-rebbieħa, dak li tagħmel Jayana ma’ Cataleya kien deskritt bħala eżempju ċar kemm hu importanti li wieħed juri tjubija mal-oħrajn u jgħinhom fid-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom.
Fid-diskors tagħha wara l-preżentazzjoni tal-midalja tal-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, indirizzat lil dawk preżenti u fissret il-ġesti ġenwini ta’ Jayana bħala eżempju li l-adulti għandhom isegwu bħala bażi tal-paċi bejn individwi u ġnus.
“Sena wara sena, dan il-premju jfakkarna li anke l-iżgħar ġesti jista’ jkollhom effett profond,” stqarret il-President, li aċċennat kif kelma ta’ inkoraġġiment, id estiża bi ħbiberija, mument ta’ inklużjoni, jew att sempliċi ta’ appoġġ, jistgħu jibdlu l-esperjenza ta’ persuna oħra b’modi li ħafna drabi huma ferm akbar milli nirrealizzaw.
Il-President irrikonoxxiet ukoll il-ħidma attiva u diretta ta’ Patri Dijonisju mal-batut, matul 70 sena ta’ saċerdozju li matulhom spikkaw il-valuri tal-inklużjoni, solidarjetà u ġenerożità fil-qalba ta’ ħidmietu.
Għaċ-ċerimonja kien hemm preżenti Jayana Chircop u Cataleya Borg, akkumpanjati mill-ġenituri u l-għalliema tagħhom, kif ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, u l-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon, li kien ukoll qed jirrappreżenta lill-Prim Ministru.


