Wednesday, July 1, 2026

Il-GWU tħabbar azzjonijiet industrijali ma’ Securital fl-Isptar Mater Dei

Aqra wkoll

Wara d-deċiżjoni unilaterali tal-kumpanija Securital li twaqqaf il-ħlas tal-parkeġġ għal uħud mill-ħaddiema klerikali impjegati magħha fl-Isptar Mater Dei – benefiċċju li minn dejjem kien jitħallas mill-kumpanija – it-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) ħabbret li se tibda azzjonijiet industrijali fi żmien 24 siegħa.

Sal-bieraħ, il-ħlas tal-parkeġġ ta’ wħud mill-ħaddiema klerikali tagħha kien qed jitħallas mill-kumpanija. Madankollu, dawn il-ħaddiema ġew infurmati li b’effett mil-lum, l-1 ta’ Lulju 2026, dan il-benefiċċju mhux se jibqa’ jingħatalhom, minkejja li kienet diġà skedata laqgħa ta’ konċiljazzjoni fid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER) sabiex din il-kwistjoni tiġi diskussa bejn il-partijiet.

Il-GWU tqis din id-deċiżjoni bħala waħda irresponsabbli u kontra l-prinċipji tad-djalogu industrijali. Minflok stenniet li l-proċess ta’ konċiljazzjoni jieħu l-kors tiegħu, il-kumpanija għażlet li timplimenta miżura li tolqot direttament lil dawn il-ħaddiema, u b’hekk kompliet taggrava s-sitwazzjoni industrijali.

Fid-dawl ta’ dan, il-GWU ma kellhiex triq oħra ħlief li tħabbar azzjonijiet industrijali sabiex tiddefendi d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li tirrappreżenta.

Il-General Workers’ Union ttenni li tibqa’ miftuħa għal djalogu serju u kostruttiv li jwassal għal soluzzjoni ġusta. Madankollu, jekk il-kumpanija tibqa’ tinsisti fuq din il-pożizzjoni u ma treġġax lura d-deċiżjoni tagħha, il-GWU ma teskludix li teskala l-azzjonijiet industrijali tagħha skont kif ikun meħtieġ.

Il-GWU tibqa’ determinata li tħares l-interessi tal-ħaddiema u tassigura li d-drittijiet tagħhom ma jiġux kompromessi permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda mingħajr rispett lejn il-proċessi ta’ djalogu industrijali u l-mekkaniżmi ta’ konċiljazzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport