Nhar il-Ħadd 26 ta’ Lulju 2026, il-Pjazza tal-Qala se tospita kunċert uniku minn Fr Rob Galea, saċerdot, kantawtur u awtur Malti li llum huwa magħruf fuq livell internazzjonali għall-mużika u l-messaġġ ta’ tama li jwassal.
Imwieled Malta u llum ibbażat fl-Awstralja, Fr Rob għandu storja li tispira lil ħafna żgħażagħ. Meta kien żagħżugħ għadda minn żmien diffiċli mimli ribelljoni, droga, serq, depressjoni u ansjetà. Kien żmien meta ħassu mitluf u bla direzzjoni. Iżda l-laqgħa tiegħu ma’ Alla bidlet ħajtu kompletament. Illum, permezz tal-vokazzjoni tiegħu u tal-mużika, iwassal messaġġ ta’ fidi, tama u mħabba lil miljuni ta’ nies madwar id-dinja, b’mod partikolari liż-żgħażagħ.
Matul il-karriera tiegħu, Fr Rob ħareġ għaxar albums, rebaħ diversi premjijiet internazzjonali u kiteb numru ta’ kotba. Kien ukoll parteċipant fil-programm X Factor Australia, ipproduċa kanzunetti uffiċjali għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u kanta quddiem udjenzi ta’ mijiet ta’ eluf ta’ persuni.
Għal din l-okkażjoni, Fr Rob se jiġi apposta mill-Awstralja biex iwassal il-messaġġ tiegħu f’Għawdex f’dan il-kunċert. Is-serata tibda fit-8pm bil-prestazzjoni tal-kantanta Għawdxija Jolene Samhan, qabel jibda l-kunċert live ta’ Fr Rob Galea flimkien mal-band tiegħu.
Id-dħul għall-kunċert huwa kompletament bla ħlas, u l-pubbliku kollu huwa mistieden jattendi.
Dan il-kunċert qed jiġi organizzat minn Radju Leħen il-Qala bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tat-30 sena anniversarju mit-twaqqif tar-radju – l-ewwel stazzjon tar-radju komunitarju f’Għawdex li kiseb liċenzja permanenti.
L-organizzaturi jistiednu b’mod speċjali liż-żgħażagħ, lill-familji u lil kull min jixtieq jisma’ storja ta’ tama u konverżjoni, biex jattendi għal din is-serata unika fil-Pjazza tal-Qala.


