Din is-sena, il-komunità tal-Qala qed tiċċelebra anniversarju mill-isbaħ. Radju Leħen il-Qala qed jagħlaq tletin sena mill-ewwel xandira uffiċjali tiegħu. Din il-kisba mhijiex biss tragward għall-istazzjon innifsu, iżda hija xhieda ħajja ta’ xi jfisser l-impenn komunitarju u l-imħabba lejn raħal twelidna.
Matul dawn it-tliet deċennji, ir-radju daħal fi djar dawk kollha li jħobbu l-Qala, kemm f’Għawdex, f’Malta, kif ukoll lil hinn minn xtutna. Meta nħarsu lura lejn il-bidu nett, l-istorja ta’ dan l-istazzjon hija waħda affaxxinanti.
Radju Leħen il-Qala għandu l-unur u l-prestiġju li jkun l-ewwel stazzjon komunitarju f’Għawdex li kiseb liċenzja permanenti mill-Awtorità tax-Xandir. Dan kien pass ġgantesk li poġġa lil dan l-istazzjon fuq l-mappa tal-mezzi ta’ komunikazzjoni lokali.
Kollox beda b’mod umli ħafna, minn kamra żgħira u sempliċi li tinsab fuq is-sagristija tal-Knisja Arċipretali tagħna. Kien hemmhekk li nżergħet iż-żerriegħa ta’ proġett li kellu jikber u jiffjorixxi sena wara l-oħra.
Matul is-snin, grazzi għal viżjoni ċara u determinazzjoni kbira, l-istazzjon għadda minn trasformazzjoni sħiħa. Dik il-kamra żgħira tal-bidu nbidlet fi studjows moderni u state of the art, mgħammra bl-aqwa teknoloġija li ssib fid-dinja tax-xandir tal-lum. Fl-istess ħin, ir-radju ma baqax biss stazzjon li ssegwiħ biss minn fuq is-sett tar-radju.
Permezz ta’ investiment kontinwu, beda x-xandir awdjo-viziv b’mod kontinwu fuq l-internet. Din il-bidla teknoloġika kienet ta’ faraġ u ferħ kbir għall-emigranti Qalin kollha mxerrdin madwar id-dinja, li issa setgħu mhux biss jisimgħu, iżda wkoll jaraw b’mod viżwali l-festi, il-funzjonijiet u l-ħajja ta’ raħalhom direttament minn djarhom fl-Awstralja, l-Amerika jew l-Ewropa.
Wieħed mill-isbaħ u l-akbar mertu ta’ Radju Leħen il-Qala huwa l-ispazju li dejjem ta liż-żgħażagħ. Matul dawn it-tletin sena, għadd kbir ta’ tfal u żgħażagħ Qalin sabu f’dan l-istazzjon bieb miftuħ biex jesperjenzaw id-dinja tax-xandir. Hemmhekk tgħallmu jitkellmu, jippreżentaw, imexxu programmi u jużaw l-apparat tekniku.
Għal ħafna minnhom, din l-esperjenza kienet skola tal-ħajja li bniethom bħala persuni u nstabet utli ħafna fil-futur tagħhom. Li żżomm stazzjon jaħdem erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, għal tletin sena sħaħ, hija kważi miraklu.
Dan il-vjaġġ twil u bla waqfien ma kienx ikun possibbli mingħajr l-għajnuna kontinwa ta’ żewġ kolonni ewlenin: il-voluntiera numerużi li ddedikaw ħinhom b’xejn biex iwasslu l-aqwa programmi, u l-benefatturi numerużi Qalin. Kienet il-ġenerożità tal-poplu tal-Qala, kemm dawk f’Malta kif ukoll dawk barra minn pajjiżna, li mliet il-magna tar-radju bil-fjuwil finanzjarju u l-inkuraġġiment meħtieġ biex jibqa’ għaddej.
F’dan l-anniversarju speċjali, filwaqt li nħarsu b’sodisfazzjon u kburija lejn il-passat, irridu nħarsu wkoll b’fiduċja kbira lejn il-futur. Radju Leħen il-Qala mhuwiex biss stazzjon tar-radju; huwa l-qalb tħabbat tal-komunità tagħna u l-pont li jgħaqqadna flimkien bħala familja u komunità waħda, taħt il-ħarsien ta’ San Ġużepp u l-Immakulata Kunċizzjoni.
Ringrazzjament f’dan it-30 sena anniversarju lil dawk li waqqfu lil Radju Leħen il-Qala u li dawk li b’modi differenti sostnew u taw sehemhom matul is-snin biex dan il-leħen ikompli jidwi u jisaħħsħ, filwaqt li nittamaw f’aktar snin ta’ suċċess u servizz għar-raħal tagħna tal-Qala.


