Wednesday, December 25, 2024

APPROVATA L-KUMMISSJONI EWROPEA L-ĠDIDA

Aqra wkoll

Kien ftit tal-ħin ilu meta fil-Parlament Ewropew li qiegħed jiltaqa’ fi Strasburgu, ġiet approvata l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida li se tibda x-xogħol tagħha nhar il-Ħadd li ġej, 1 ta’ Diċembru.

Fost dawk li ġew approvati kien hemm il-Kummissarju Malti, Glenn Micallef li se jkun qiegħed iservi fil-portafoll taż-Żgħaħagħ, Sports u I-Ġustizzja Interġenerazzjonali.

Il-Prim Ministru Dr Robert Abela, f’kummenti fuq il-midja soċjali filwaqt li qal li l-Kummissjoni Ewropea ġiet approvata, awgura lil Glenn Micallef li issa uffiċjalment ġie elett fil-kariga ta’ Kummissarju Ewropew.

It-tieni Kummissjoni Von der Leyen ġiet approvata bi 370 vot favur, 282 kontra u 36 astensjoni.

Qabel il-votazzjoni, Ursula von der Leyen ippreżentat it-tim u l-programm tagħha, fejn ikkonfermat il-bidliet fil-portafoll mitluba mill-MPE matul il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-Parlament. “Aħna lesti li naħdmu minnufih,” qalet, filwaqt li enfasizzat li l-Kummissjoni tagħha dejjem se tkun iddedikata għall-ġlieda għal-libertà, is-sovranità, is-sigurtà u l-prosperità.

Von der Leyen ħabbret li l-ewwel inizjattiva tal-Kummissjoni se tkun boxxla tal-kompetittività, biex jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni tal-Ewropa mal-Istati Uniti u ċ-Ċina, biex tiżdied is-sigurtà u l-indipendenza u biex titwettaq id-dekarbonizzazzjoni. Dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, hija qalet, “irridu u se nibqgħu fit-triq lejn l-għanijiet tiegħu”. Hija impenjat ruħha li tippreżenta ftehim industrijali nadif, tniedi djalogu strateġiku Ewropew dwar il-futur tal-industrija tal-karozzi, tkompli taħdem fuq ekonomija ċirkolari kompetittiva, u taħdem lejn unjoni Ewropea tat-tfaddil u l-investiment.

Dwar il-gwerer li għaddejjin fl-Ukrajna, fil-Lvant Nofsani u f’partijiet tal-Afrika, Von der Leyen qalet li “l-Ewropa jrid ikollha rwol aktar b’saħħtu f’dawn l-oqsma kollha”, filwaqt li enfasizzat li dan huwa “meħtieġ aktar minn qatt qabel”. Hija qalet li t-tisħiħ tas-sigurtà tagħna huwa kruċjali, u appellat lill-Ewropa biex tonfoq aktar fuq id-difiża. “Is-sigurtà tal-Ewropa dejjem se tkun il-prijorità ta’ din il-Kummissjoni,” hija żiedet tgħid.

Aktar kmieni: Illum Glenn Micallef u 26 Kummissarju oħra jiffaċċjaw vot fil-Parlament Ewropew

Aktar tard illum, fl-Parlament Ewropew li qiegħed jiltaqa’ fi Strasburgu se jkun qiegħed jittieħed vot biex jiġi approvata l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida. Fost dawn hemm Glenn Micallef li qiegħed f’isem pajjiżna.

Dan il-vot mistenni li jgħaddi hekk kif għandu l-appoġġ tal-akbar gruppi politiċi li hemm fil-Parlament Ewropew. Glenn Micallef huwa l-Kummissarju-elett Malti u l-portafoll tiegħu se jkun iż-Żgħaħagħ, Sports u I-Ġustizzja Interġenerazzjonali.

Mingħajr dan il-vot, il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida ma tkunx tista’ tibda taħdem nhar il-Ħadd li ġej.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport