Aquatic Resources Malta tniedi l-WE FIRST Wellbeing Framework biex issaħħaħ il-benesseri tal-ħaddiema

Aqra wkoll

Aquatic Resources Malta nediet il-WE FIRST Wellbeing Framework, qafas ġdid maħsub biex isaħħaħ il-benesseri tal-impjegati fejn il-ħaddiem ikompli jiġi mismugħ, appoġġat u jingħata l-opportunità li jiżviluppa professjonalment.

It-tnedija saret mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel, Anton Refalo, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Aquatic Resources Malta, Dr Frank Fabri.

Il-WE FIRST Wellbeing Framework huwa mibni fuq erba’ pilastri ewlenin li jindirizzaw il-wellbeing fiżiku, psikoloġiku u emozzjonali, soċjali u professjonali tal-impjegati. Permezz tiegħu, Aquatic Resources Malta qed timpenja ruħha biex il-wellbeing ma jibqax marbut ma’ inizjattivi individwali jew okkażjonali, iżda jsir parti integrali mill-kultura u l-operat ta’ kuljum tal-Aġenzija.

Il-qafas jagħti importanza partikolari lis-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol, fosthom permezz ta’ miżuri biex titnaqqas l-istigma marbuta mas-saħħa mentali, u jindirizza wkoll il-bullying, il-harassment u d-diskriminazzjoni, il-work-life balance u opportunitajiet għal żvilupp professjonali, fost oħrajn.

Il-Ministru Anton Refalo qal li, “Wara kull servizz, kull proġett, kull riċerka u kull suċċess ta’ Aquatic Resources Malta hemm il-ħaddiema. Qed ninvestu fir-riċerka, fl-innovazzjoni, fit-teknoloġija, iżda aktar minn hekk qed inkomplu ninvestu fil-ħaddiema tagħna. L-investiment fil-wellbeing huwa investiment fil-kwalità, għaliex ħaddiem li jħossu rispettat, apprezzat u appoġġat ikun f’pożizzjoni aħjar biex jiżviluppa, jinnova u jagħti servizz ta’ kwalità.”

Il-Kap Eżekuttiv Frank Fabri saħaq li wara l-progress sinifikanti li sar fl-ewwel 30 xahar tal-Aġenzija, issa jmiss li l-Aġenzija tkompli tibni fuq dak li nkiseb u tħares b’aktar ambizzjoni lejn il-futur. Huwa spjega li filwaqt li l-viżjoni tal-Aġenzija ‘VisionARM 2050’ qed tagħti direzzjoni ċara għall-iżvilupp fit-tul tal-Aġenzija, l-qafas ‘WE FIRST’ tpoġġi lill-ħaddiema u l-benesseri tagħhom fiċ-ċentru ta’ dan il-vjaġġ. Dr Fabri enfasizza li kull impjegat għandu rwol importanti biex l-Aġenzija tkompli tikber, tiġġedded u tikseb riżultati dejjem aħjar. “Il-viżjoni tagħna ssir realtà meta naħdmu flimkien, nikbru flimkien u nkomplu nibnu Aġenzija fejn in-nies mhux biss jaħdmu tajjeb, iżda wkoll iħossuhom tajjeb u jirnexxu.”

Il-framework jinkludi wkoll mekkaniżmi ta’ accountability u monitoraġġ sabiex l-impenn jissarraf f’riżultati konkreti. Dawn jinkludu Organisational Culture Audit, wellbeing surveys, feedback mill-impjegati, kif ukoll analiżi ta’ indikaturi, fost oħrajn. Il-policy se tkun qed tiġi riveduta kull sentejn jew qabel, skont il-ħtieġa.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport