Wednesday, April 24, 2024

ARA: Il-GWU sodisfatta bir-rapport tal-awditur ġenerali dwar il-ħabs

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-Taqsima GWU Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi tinsab sodisfatta b’dak li kkummenta l-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu dwar l-operat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Is-Segretarju tat-Taqsima Theo Vella stqarr ma’ dan il-ġurnal li r-rapport tal-Awditur huwa ċertifikat tajjeb għall-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi wara xhur li ilhom jaqilgħu kritika meqjusa inġusta u mhux xierqa fil-konfront tagħhom.

Huwa kompla jgħid li l-ħaddiema kienu parti minn dan il-progress billi ħadmu b’mod kollettiv, kienu dixxiplinati u kellhom l-appoġġ tal-Kurunell Alex Dalli, għal dawn l-aħħar snin. Is-Sur Vella ddeskriva dan ir-rapport bħala wieħed li se jimla bil-kuraġġ lill-ħaddiema sabiex ikomplu fil-ħidma fejjieda tagħhom. 

YouTube video

“Dak ir-riżultat kien pożittiv proprju għax kollox jorbot mad-dixxiplina. Inutli jkollok l-aqwa pjan jekk id-dixxiplina titlifha. Tal-inqas f’dan il-mument li forsi l-ħaddiema jistgħu jħossuhom xi ftit demoralizzati għall-attakki li kellhom huwa ta’ sodisfazzjon,” qal is-Segretarju Vella. “Ġimagħtejn ilu rċevejna ċertifikat, permezz tal-petizzjoni ta’ dawn il-ħaddiema li ffirmaw b’apprezzament lejn l-Kurunell Dalli u issa għandhom ċertifikat huma mill-Awditur Ġenerali u dan jimlik b’sodisfazzjon.”

Fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali semma kif waqt spezzjoni li għamel ġewwa l-Faċilità, osserva sens ta’ ordni, organizzazzjoni u ndafa. Fl-istess waqt irrikonoxxa wkoll li riċentament sar titjib notevoli fuq l-infrastruttura tal-ħabs. 

Madanakollu, filwaqt li ġie nnotat li l-istat strutturali tal-Faċilità ġeneralment mhuwiex oġġezzjonabbli, l-NAO xorta identifika xi nuqqasijiet f’dan ir-rigward li jistgħu jkunu ta’ piż bla bżonn (għalkemm mhux b’mod kritiku) fuq l-esperjenza ta’ priġunerija, li minnha nfisha diġà hija intrinsikament diffiċli. 

Barra minn hekk, l-Uffiċċju nnota li d-daqs tal-Faċilità huwa limitat ħafna, sitwazzjoni li ntqal li ġġib magħha problemi ovvji, partikolarment fir-rigward ta’ sigurtà, iġjene u privatezza.

Il-verifika wriet kif abbażi taċ-ċifri provduti mill-Aġenzja, l-abbuż tad-droga fi ħdan il-ħabs naqas b’mod konsiderevoli. “Dawn iċ-ċifri juru dik li tista’ titqies bħala sitwazzjoni kkontrollata f’ambjent li huwa konvenzjonalment suxxettibbli għal sfidi f’dan il-qasam.”

L-NAO osserva wkoll fost l-oħrajn li filwaqt li saru sforzi sinjifikanti biex jitfasslu pjanijiet ta’ kura għall-priġunieri ġewwa l-Faċilità, l-inizjattivi ta’ kura u ri-integrazzjoni għadhom mhumiex qed jilħqu lill-priġunieri kollha. 

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri laqa’ b’mod pożittiv ir-rapport tal-Awditur, filwaqt li tenna li r-rapport huwa xhieda ħajja tal-ħidma li saret fl-aħħar snin. 

“Xogħolna issa huwa li nkomplu nibnu fuq ’il ħafna tajjeb li sar fl-aħħar snin u nkomplu ndaħħlu r-riformi li se jkunu rakkomandati fil-konklużjonijiet tal-inkjesta li jiena ħtart ftit tal-ġimgħat ilu, ħalli anke fejn hemm meħtieġ aktar attenzjoni, tittieħed azzjoni,” qal il-Ministru Camilleri li wassal ir-ringrazzjament tiegħu lill-ħaddiema kollha fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, li kienu katalisti sabiex saru tant riformi.

Sport