Tuesday, April 30, 2024

ARA: “Robert Abela ħaqqu din ir-rebħa u iktar!”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Eluf ta’ partitarji jinġabru għall-ħatra ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru ta’ pajjiżna

Aktar kmieni dalgħodu eluf ta’ persuni daħlet bi ħġarhom il-Belt Valletta u nġabru fi pjazza Reġina quddiem il-Palazz tal-President biex ikunu preżenti fil-mument tal-ħatra uffiċjali b’ġurament tal-Prim Ministru ta’ Malta għall-ħames snin li ġejjin, Robert Abela. 

Wara r-rebħa kbira li kiseb il-Partit Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali 2022, il-poplu Malti ta l-fiduċja tiegħu lit-tmexxija ta’ Abela, rwol li għal ħafna ħaqqu tassew għax mexxa lil pajjiżna b’għaqal kbir u ta għajnuna kruċjali liċ-ċittadini fil-perjodu ferm diffiċli tal-pandemija tal-Covid-19. 

Dan is-sit ħareġ fit-toroq mimlija nies ixejru l-bnadar, kif ukoll lebsin kpiepel u mkatar tal-PL biex naraw x’jaħsbu mir-riżultat tal-elezzjoni li ħareġ il-Ħadd filgħodu u jekk jaħsbux li Bernard Grech għandu jibqa’ bħala Kap tal-Oppożizzjoni. 

Ir-rebħa b’distakk ta’ aktar minn 39,000 vot hija deskritta bħala għajta ċara li l-poplu jrid lil Abela bħala l-mexxej tagħhom u prova ta’ kemm il-Partit Laburista huwa b’saħħtu mandat wara mandat. Il-partitarji Laburisti esprimew mhux biss appoġġ għall-mexxej Laburista, iżda mħabba kbira lejn “il-persuna li verament jaħdem għal Malta” tant li bla tlaqlieq għal diversi drabi ltaqjna mal-istess fehma – dik li “Robert Abela ħaqqu din ir-rebħa u iktar”.

L-ewwel persuna li kellmitna, filwaqt li kkonfermat li ferħanin ħafna bir-riżultat, qalet, “imma rridu naħdmu daqsxejn aktar speċjalment fit-12-il distrett ħalli nerġgħu neħduhulhom”. L-għajta “Viva l-Labour u Viva Robert Abela” kienet fuq fomm kulħadd, fejn mara fil-folla qaltilna li Abela ħaqqu “għax tana fuq li tana u min fil-verità, jista’ jgerger? Għamel ħafna ġid u jixraqlu d-doppju li ġab”. 

Raġel mill-folla wkoll qal li l-Prim Ministru ħaqqu r-riżultat li ġab u jixraqlu ħafna “għax ta għajnuna straordinarja waqt il-pandemija”. Kumment ieħor kien li r-rebħa Laburista f’din l-elezzjoni kienet waħda storika u kbira. “Naħseb li din hija ta’ għira għall-avversarji tagħna. Jafu li magħna ma jistgħux jibdew. Illum ġejna biex niċċelebraw u naraw lill-Prim Ministru  Abela jieħu l-ġurament,” sostna dan l-istess partitarju Laburista.

Fil-vox pop tagħna ġbarna aktar kummenti mingħand ħafna fejn fost l-oħrajn, persuna oħra sostniet li, “din kienet rebħa kbira u qatt ma se ninsiha. Verament sodisfatt bil-poplu Malti li għażel is-sewwa”. Tifel ċkejken fil-folla ma naqasx li jgħidilna kemm iħobb lil Robert Abela filwaqt li dawk bilqiegħda ħdejh qalu li r-riżultat kbir miksub huwa ta’ sorpriża kbira u li, “għandna Prim Ministru ta’ saħħa u umli fl-istess ħin. Għandna l-Ministru tal-Ekonomija, Silvio Schembri, li vera nħobbuh għax jgħin lill-pajjiż u jgħin lil kulħadd”. 

“Din kienet rebħa kbira u qatt ma se ninsieha. Verament sodisfatt bil-poplu Malti li għażel is-sewwa”

Partitarju Laburista

Anzjana bilqiegħda fuq it-taraġ tat-teatru bil-kelb tagħha f’idejha qaltilna li minn qabel twelidha hija kienet Laburista u tibqa’ sa mewta. Fl-opinjoni tagħha l-Partit Laburista huwa partit kbir u li bħal Robert Abela m’hawnx. Grupp ta’ nisa sostnew li r-rebħa Laburista f’din l-elezzjoni hija rebħa oħra waħda wara l-oħra b’ammonti kbar u spjegaw li l-Prim Ministru “bata ħafna minħabba l-pandemija tal-Covid-19 u ħadem ħafna. Allura, vera jixraqlu. Tana fuq li tana biċ-ċekkijiet u l-vawċers, kif ukoll qatt ma uża kliem ta’ mibgħeda. Dejjem tkellem x’se jagħmel u mhux jikkritika lil ħaddieħor. Aħna poplu wieħed.”

“Għal xejn il-ħsara li għamlu għax il-poplu fiduċjuż f’Robert Abela. Qabel il-Partit Nazzjonalista jitbiegħed mill-erbgħa li kkapparraw partit, se jibqgħu jmorru mill-ħażin għall-agħar. Dawn warrbu lil Delia meta dan kien se jgħaqqad lill-partit,” wissa partitarju Laburista.

Mill-kbar saż-żgħar, nisa u rġiel, il-ferħ u s-sodisfazzjoni huma s-sentimenti ġenerali espressi f’din it-tielet rebħa Laburista. Mistoqsija jekk il-Kap tal-PN, Bernard Grech, wara li ddikjara li jrid jibqa’ jmexxi lill-Partit fl-Oppożizzjoni għandux jibqa’ jew le, kollha qalu li dik hija “affari tagħhom”. Il-partitarji Laburisti pjuttost jippreferu li Grech jibqa’ jmexxi lill-PN “għax b’hekk jibqgħu jieħdu tkaxkira wara l-oħra u aħna nibqgħu fil-Gvern”. F’kumment ieħor issemma’ wkoll Adrian Delia, fejn hemm l-opinjoni li l-Partit Nazzjonalista qatt ma messu għamel lil għamel lil Delia għax “dik telfithom il-voti”.

Fost il-folla nies ġejna wiċċ imb’wiċċ ma’ Zaren tal-Ajkla. Barra li kantalna kanzunetta minn tiegħu, Zaren awgura lill-Partit Laburista għal tmexxija tajba tal-pajjiż u qal li se jitlob lill-Gvern Laburista biex jattwa l-proposta tiegħu – jiġifieri dik li tingħata s-somma ta’ €¡4,000 lin-nisa biex ikabbru sidirhom.

Sport