Attività li għaqqdet ir-raħal sħiħ ta’ Ħaż-Żebbuġ b’solidarjetà ma’ Puttinu Cares

Aqra wkoll

Ftit tas-snin ilu, koppja żagħżugħa b’familja żgħira rċeviet aħbar li ħadd ma jixtieq jirċievi. Kien hemm bzonn trattament li kellu jsir f’Londra u għalhekk kellhom jivvjaġġaw hemmhekk. Kien, kif jammettu huma stess, żmien diffiċli u ta’ sfida kbira.

Iżda f’dawk il-mumenti diffiċli, Puttinu Cares kien hemm għall-familja tagħhom.

Fortunatament, għaddew ftit snin u llum il-familja tagħhom tinsab f’saħħitha u għaddejja minn perjodu ferm aktar stabbli f’ħajjitha. It-tnejn professjonisti, jibbilanċjaw karrieri impenjattivi mal-ħajja tal-familja — b’Malcolm għandu wkoll rwol pubbliku magħruf. Pero, maż-żmien, wasal il-mument li ħassew li kellhom jagħtu xi ħaġa lura.

U hekk, erba’ snin ilu, Malcolm u Juanita bdew l-inizjattiva ‘Flimkien Il-Pjazza għal Puttinu’, bħala koppja, bl-għajnuna ta’ xi ħbieb.

Dik li bdiet bħala inizjattiva żgħira kibret minn sena għal sena. Illum, bosta sponsors ġenerużi jersqu ’l quddiem biex jappoġġjaw l-attività, il-biċċa l-kbira tagħhom fuq bażi annwali, filwaqt li ħbieb u voluntiera jkomplu jagħtu l-ħin u l-enerġija tagħhom biex din is-serata tkun possibbli.

Ta’ min isemmi b’mod speċjali lill-koki u lill-istudenti tal-ITS, li għat-tieni sena konsekuttiva taw il-ħin u l-abbiltajiet tagħhom b’mod volontarju biex jgħinu fit-tħejjija u fit-tisjir tal-ikel. Wara ġimgħat ta’ tħejjijiet u ħidma, ilbieraħ kollox reġa’ ngħaqad flimkien.

Għar-raba’ sena konsekuttiva, Flimkien Il-Pjazza għal Puttinu reġgħet ġabret in-nies flimkien b’risq Puttinu Cares, bi qrib 800 persuna jattendu għall-attività.

Is-serata bdiet b’tombla u kompliet b’ikla, f’atmosfera sabiħa ta’ divertiment, ħbiberija u, fuq kollox, solidarjetà. Bħas-snin ta’ qabel, Angele u Rennie minn Puttinu Cares ingħaqdu wkoll għal din is-serata.

Puttinu Cares m’għandux bżonn ħafna introduzzjoni. Din l-organizzazzjoni messet il-ħajja ta’ għadd kbir ta’ familji Maltin u qed tkompli tagħmel xogħol tassew straordinarju — billi toffri dar ’il bogħod mid-dar u appoġġ imprezzabbli lill-familji li jkunu għaddejjin minn wħud mill-aktar mumenti diffiċli ta’ ħajjithom.

Hija organizzazzjoni li tiddependi ħafna mill-ġenerożità, il-qalb tajba u r-rieda tajba tal-komunità tagħna.

Għal Malcolm u Juanita, din l-inizjattiva għandha tifsira personali ħafna. Dak li beda minn kapitlu diffiċli f’ħajjithom sar mod kif jagħtu lura u jgħinu lil familji oħra li forsi xi darba jsibu ruħhom għaddejjin minn vjaġġ simili.

Grazzi lil kull sponsor, voluntier, ħabib, professjonist, student u kok, u naturalment lil kull persuna li attendiet u tat il-kontribut tagħha.

Flimkien, inkomplu verament nuru x’tifsira għandha l-kelma ‘Flimkien’ — flimkien għal xulxin u flimkien għal dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna.

U lil kull min jixtieq jappoġġja din l-organizzazzjoni inkredibbli, inħeġġuh jikkuntattja direttament lil Puttinu Cares.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport