Sunday, August 30, 2026
Home Sport Malta Premier League: Balzan idawru telfa f’rebħa permezz ta’ żewġ penalties

Malta Premier League: Balzan idawru telfa f’rebħa permezz ta’ żewġ penalties

0
50

Minn Cristian Muscat

BALZAN…………………… 2

GZIRA UNITED…………. 1

Balzan kisbu rebħa drammatika ta’ 2-1 fuq Gzira Uni­ted wara li dawru telfa f’rebħa b’żewġ penalties fl-aħħar tmien minuti tal-partita. L-ewwel taqsima ntemmet mingħajr goals, minkejja li ż-żewġ naħat ħolqu diversi opportunitajiet.

Gzira bdew il-partita b’mod aggressiv u kellhom di­versi tentattivi lejn il-lasti ta’ Balzan.

Andrew Borg u Luisinho ppruvaw tentattivi minn barra l-kaxxa, filwaqt li Brooklyn Borg kellu konklużjoni perikoluża mblukkata.

Balzan wieġbu permezz ta’ Nikola Djoric u Jake Grech, iżda l-goalkeeper ta’ Gzira, Edoardo Colombo, kien attent u żamm il-lasti tiegħu ntatti. Lejn tmiem l-ewwel taqsima, iż-żewġ timijiet komplew joħolqu periklu, iżda l-iskor baqa’ 0-0.

Fil-bidu tat-tieni taqsima, Balzan żiedu l-pressjoni u Jake Grech hedded minn freekick, iżda Gzira kienu li fetħu l-iskor.

Fil-61 minuta, Brooklyn Borg ikkonkluda azzjoni mill-aqwa fuq ix-xellug b’xutt baxx li laqat il-wieqfa u mbagħad ħabat ma’ Samir Arab qabel spiċċa fix-xibka.

Balzan komplew jattakkaw fit-tentattiv li jiksbu l-goal tad-draw.

F’azzjoni minnhom, penalty mogħti favur tagħhom ġie mħassar wara konsultazzjoni mal-FVS, hekk kif ġie kkonfermat li Gabriel Bohrer Mentz ma kienx wettaq foul fuq Grech.

Madankollu, Balzan ma qatgħux qalbhom u fit-82 minuta ngħataw penalty wa­ra li Saldanha waqqa’ lil DIMEJI Awosanya fil-kaxxa u l-istess player ma żbaljax mill-11-il metru.

Erba’ minuti mit-tmiem, Balzan ingħataw penalty ieħor wara li Mentz deher li mess il-ballun b’idu fil-kaxxa. Għal darb’oħra DIMEJI Awosanya kien preċiż fl-eżekuzzjoni tiegħu biex ta lil Balzan rebħa ta’ 2-1.

B’din ir-rebħa, Balzan telgħu għal erba’ punti, filwaqt li Gzira baqgħu mingħajr punt wara tliet logħbiet.

Balzan: Manuel Issufe Djalo, Nikola Doric (Luis Santos Silva 74), Samir Arab, Jake Grech (Isaac Davey 68) , Nicholas Pulis (Sean Cipriott 68), Lucas Ribeiro De Oliveira, Oluwatobiloba Dimeji Awosanya, Sekala Siolklon Amiel Guehi, Emmanuel Asante (Mohammed Yahaya 46), Nikola Ignjatovic, Leonardo Joaquim Da Silva Fernandes (Yuel Kuach 68)   – Coach: Andrew Cohen

Gzira U.: Edoardo Colombo, Albion Pllana, Gabriel Mentz Bohrer, Deacon Abela, Andrew Borg (Dejan Farrugia 87), Luis Gabriel Moreira de Souza (Denis Djajo 87), Brooklyn Borg, Maxuell Maia, Filipe Bartolomeu Maio, David Xuereb (Jonathan Farias 93), Francisco Saldanha De Morais (Justin Pena Serna 93)   – Coach: Darren Abdilla

Referee: Joseph Scerri

assistenti: James Muscat, Andrea Pavia Schiavone

Raba’ Uff.: Daniel Portelli

Skorers: B. Borg 61 (GU), D. Awosanya pen. 82, pen. 88 (B)

Ammoniti: N. Doric, J. Grech (B), A. Pllana (GU)

Player tal-Logħba: Brooklyn Borg (GU)

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here