Wednesday, April 24, 2024

Australian Open: Nadal u Berettini jkomplu għaddejjin

Aqra wkoll

Is-seed numru 6, Rafael Nadal, għadda għall-kwarti-finali tal- Australian Open li qed isir f’Melbourne Park, hekk kif l-Ispanjol qed ikompli bit-tentattiv tiegħu għar-rekord ta’ 21 titli tal-Grand Slam. Miegħu għaddew ukoll Matteo Berrettini u Gail Monfils iżda Alexander Zverev safa’ eliminat.

Nadal, 35 sena, rebaħ tie-break epika ta’ 28 minuta fl-ewwel set li huwa rebaħ 16-14, kontra l-Franċiż Adrian Mannarino, u eventwalment ikkonverta s-seba’ set point tiegħu.

Wara t-tie-break Mannarino tħa­bat b’injury hekk kif Nadal baqa’ sejjer biex rebaħ il-logħba, 7-5     (16-14) 6-2 6-2.

Fl-Aħħar 8, Nadal se jiltaqa’ kontra l-Kanadiż Denis Shapovalov li wasal sa dan l-istadju għall-ewwel darba b’rebħa impressjonanti ta’ 6-3 7-6 (7-5) 6-3 fuq il-Ġermaniż Zverev li huwa ċ-champion Olim­piku kurrenti.

B’hekk Nadal, issa huwa l-ogħla seed li fadal fl-ewwel nofs tal-polza tal-irġiel u l-uniku champion tal- passat li għadu jeżisti, waqt li Zverev għadu jistenna biex jirbaħ l-ewwel titlu tal-Grand Slam wara li qabel beda t-tournament kien meqjus wieħed mill-favoriti.

It-Taljan issidjat fin-numru 7, Matteo Berrettini, se jiltaqa’ kontra Gael Monfils, li jinsab fis-17-il post tar-rankings, wara li ż-żewġ players kisbu rebħiet bi tliet sets dritti.

Berrettini, li s-sena l-oħra wasal sal-finali ta’ Wimbledon għall-ewwel darba, ipproduċa 28 aces u rebaħ 87 punt mill-ewwel service hekk kif għeleb lill-Ispanjol, Pablo Carreno Busta, li jinsab fid-19-il post, 7-5 7-6 (7-4) 6-4.

Il-Franċiż Monfils, 35 sena, jinsab fl-10 kwarti-finali ta’ tournament maġġur tiegħu li huwa l-ewwel wieħed mill-US Open 2019 b’rebħa dritta ta’ 7-5 7-6 (7-4) 6-3 fuq is-Serb Miomir Kecmanovic, li fl-ewwel round kellu jiltaqa’ mal- kompatrijott tiegħu, Novak Djo­kovic, wara li dan kellu jċedi postu minħabba li tilef it-tieni appell fuq il-viża biex jidħol fil-pajjiż bil-konsegwenza li kellu jirritorna f’paj­jiżu lejliet li beda dan it-tournament.

BARTY, BADOSA, PEGULA

U KREJCKOVA JAVVANZAW

L-eroj tal-Awstraljani, Ashleigh Barty, se tilgħab fil-kwarti-finali ta’ dan l-Open għar-raba’ sena wara l-oħra meta eliminat lill-Amerikana Amanda Anisimova b’żewġ sets, 6-4 6-3.

Ġurnata wara li ddikjara lil Barty imbattibbli, il-leġġendarju Awstraljan, Rod Laver, kellu l-aqwa seat fl-arena msemmi għalih hekk kif in-numru wieħed tad-dinja pproduċiet wirja oħra ta’ klassi.

Iżda jekk Anisimova sfat eliminata mhux l-istess xorti kellhom iż-żewġ kompatrijotti Amerikani tagħ­ha, Madison Keys u Jessica Pe­gula, li eliminaw żewġ avversarji kkwotati, l-Ispanjola, Paula Badosa, seed numru 8, u lill-Griega, Maria Sakkari, seed numru 5, rispettivament.

Keys għelbet lil Badosa b’mod faċli, 6-3 6-1, fix-xemx tiġreġ tas-siegħa ta’ wara nofsinhar ta’ Melbourne, waqt li Pegula warrbet l-isfida ta’ Sakkari b’żewġ sets ukoll, l-ewwel wieħed b’tie-break perfetta, 7-6 (7-0) 6-3, biex għaddiet għar-round li jmiss għat-tieni darba wara l-oħra.

Il-player l-oħra li għaddiet għall-Aħħar 8 il-bieraħ kienet iċ-Ċeka, Barbora Krejcikova, li eliminat b’mod pjuttost faċli lir-rebbieħa ta’ żewġ titli tal-Grand Slam, Victoria Azarenka, tal-Belarus, li ma tinsabx fl-ewwel 10 tas-seedings, bil-pun­teġġ ta’ 6-2 6-2. Din hija l-ewwel darba li Krejcikova waslet sa dan l-is­tadju f’Melbourne.

Sport