Thursday, April 18, 2024

Futsal: Luxol u Valletta jirbħu qabel il-konfront dirett

Aqra wkoll

Ftit jiem qabel il-konfront dirett, l-isfidanti għar-rebħ tal-kampjonat iġifieri Valletta u Luxol rebħu l-konfronti rispettivi tagħhom sabiex baqgħu jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika tal-Enemed Futsal League.  

Luxol ftit sabu diffikulta’ sabiex għelbu lil Marsaskala Futsal bl-iskor ta’ 18-0. It-tim minn St Andrews iddomina din il-partita mill-bidu sal-aħħar b’Andy Mangion li skorja erba’ gowls, Mark Zammit ikun awtur ta’ tripletta filwaqt li Carl Azzopardi, Marwan Telisi u Everton Veve skorjaw doppjetta kull wieħed. Mill-banda l-oħra, Celino Alves, Dylan Musu, Maicon, Emil Raducu u Melvin Borg għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.  

Min-naħa l-oħra, Valletta ma tantx sabuha faċli kontra Ta’ Xbiex Futsal hekk kif rebħu bl-iskor ta’ 4-3. Kienet logħba ferm sabiħa li apparti s-seba’ gowls li ġew skorjati, iż-żewġ  naħat offrew futsal ferm sabiħ.  

Karl Sciortino skorja doppjetta għall-Beltin b’Andre Cachia u Zvezdan Vukovic iżidu aktar gowls għalihom. Ta’ Xbiex dejjem kienu fil-partita u skorjaw permezz ta’ doppjetta ta’ Jason Gauci u gowl ieħor ta’ Stefi Cale.  

Mellieħa komplew jiksbu riżultati pożittiv matul dan l-istaġun hekk kif għelbu lil Siġġiewi 4-2. It-tim min-naħa ta’ fuq ta’ Malta sabu lill-plejer tagħhom Gregory Busuttil fl-aqwa forma possibbli hekk kif skorja tripletta b’Andrew Abela li wkoll niżżel ismu fost l-iskorers.  

Siġġiewi skorjaw il-gowls ta’ konsolazzjoni grazzi għal Juan Sebastian Poveda u Wallace.  

Naxxar Lions kisbu rebħa prezzjuża ta’ 10-2 kontra Qormi sabiex bdew is-sena 2022 bl-aqwa mod possibbli.  

John Micallef skorja hat-trick għat-tim tiegħu filwaqt li Valen Petrie McKay u Matthew Camilleri għaqqdu doppjetta personali. Jose Pereira, Luke Gatt u Antoine Barbara wkoll sabu x-xibka.  

Għal Qormi kien Craig Pickard li skorja doppjetta.  

Finalment f’logħba mill-isbaħ, St George’s għelbu lil Żurrieq bl-iskor ta’ 5-4. Kienet logħba ta’ botta u risposta biż-żewġ timijiet li ma ċedewx pulzier għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kienu l-Bormliżi li ħadu t-tliet punti finali.  

Clayton Micallef skorja doppjetta filwaqt li Leon Camilleri, Faisal Alnakuoo u Charvon Gatt għamluhom ħamsa għal St George’s.  

Boycho Marev, Daniel Abdilla, Gabriel Ghigo u Terence Cachia sabu x-xibka għal Żurrieq.  

KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL LEAGUE:  

Luxol, Valletta 24, Universita’ ta’ Malta 18, Ta’ Xbiex, Mellieħa 15, Siġġiewi, Naxxar Lions, St George’s 9, Qormi 6, Żurrieq 4 Marsaskala 1.  

Ekonomija

Sport