Qorti fis-Sirja kkundannat lill-eks President Bashash al-Assad għall-mewt in absentia (fl-assenza tiegħu), wara li nstab ħati li wettaq reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità matul il-gwerra ċivili fil-pajjiż.
Assa ħarab minn Damasku lejn Moska ma’ familtu wara li r-reġim tiegħu kien twaqqa’ f’Diċembru tal-2024 u b’hekk intemmet il-ħakma tal-familja tiegħu fuq il-poter li kienet ilha għaddejja għal ħames deċennji.
Fl-istess każ, il-Qorti kkundannat ukoll għall-mewt lil Atef Najib, il-kuġin ta’ Assad u l-eks kap tas-sigurtà politika fil-provinċja ta’ Deraa fin-nofsinhar tas-Sirja.
Deraa hi meqjusa bħala l-post fejn twieldet ir-rivoluzzjoni kontra t-tmexxija ta’ Assad.
F’Marzu tal-2011, id-detenzjoni u l-allegata tortura ta’ grupp ta’ adoloxxenti akkużati li kitbu graffiti kontra l-gvern qanqlu protesti fil-belt, li ntlaqgħu b’repressjoni vjolenti mill-forzi tas-sigurtà.
Dan ir-rispons wassal biex iqanqal dimostrazzjonijiet madwar il-pajjiż li eskalaw fi gwerra ċivili fejn inqatlu mijiet ta’ eluf ta’ persuni.
Il-gvern interim tas-Sirja beda jressaq għall-proċess ġudizzjarju uffiċjali assoċjati mar-reġim ta’ Assad aktar kmieni din is-sena. Najib huwa wieħed mill-ogħla uffiċjali li tressaq għal dan il-proċess. Huwa nstab ħati ta’ reati li jinkludu qtil, “il-qtil intenzjoant ta’ tfal taħt il-15-il sena u tortura li wasslet għall-mewt”.
Għadu mhux ċar jekk l-awtoritajiet il-ġodda tas-Sirja humiex se jkunu jistgħu jiguraw l-estradizzjoni ta’ Assad minn Moska.




