Bdejna kampanja elettorali b’fokus ċar u determinat: Malta l-ewwel u l-ġid tal-pajjiż quddiem nett. Din mhijiex biss kampanja oħra, iżda mument fejn irridu nagħżlu b’mod serju x’tip ta’ pajjiż irridu nibnu flimkien fis-snin li ġejjin. Il-Partit Laburista jidħol għal din il-kampanja b’esperjenza, maturità u preparazzjoni, kwalitajiet li pajjiżna għandu bżonn aktar minn qatt qabel.
Illum ninsabu f’pożizzjoni b’saħħitha. Pajjiżna huwa stabbli, l-ekonomija b’saħħitha u hemm serħan il-moħħ li nistgħu nħarsu lejn il-futur b’kunfidenza. Dan ma ġiex b’kumbinazzjoni, iżda b’għażliet kuraġġużi u b’tmexxija soda li dejjem poġġiet lin-nies fiċ-ċentru. Fi żminijiet ta’ sfidi globali, Malta baqgħet għaddejja ’l quddiem, tipproteġi lill-familji u lin-negozji tagħha.
Il-kampanja tagħna hija mibnija madwar il-bniedem, madwar il-familji, iż-żgħażagħ, il-ħaddiema u l-anzjani. L-ewwel sett ta’ proposti li qed nippreżentaw huma ffukati proprju fuq il-wellbeing tas-soċjetà tagħna. Għax nemmnu li l-progress ma jitkejjelx biss bl-ekonomija, iżda bil-kwalità tal-ħajja tan-nies. B’viżjoni ċara, irridu nagħtu aktar ħin lill-familji, aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ, aktar serħan il-moħħ lill-ġenituri u aktar dinjità lill-anzjani. Dawn huma passi konkreti biex inkomplu nagħmlu l-ħajja tan-nies eħfef, isbaħ u aħjar.
Nixtieq nirringrazzja minn qalbi lill-Prim Ministru tal-fiduċja li wera fija, lill-Eżekuttiv tal-Partit Laburista li aċċetta l-kandidatura tiegħi, kif ukoll lil Alex Agius Saliba, Deputat Mexxej, lill-Ministru Michael Falzon li ħadem miegħi mill-qrib fis-settur soċjali, u lil Ray Azzopardi li kien mentor tiegħi minn età żgħira ħafna. It-tlieta li huma emmnu fija u nnominawni. Din hija fiduċja kbira li timlieni b’responsabbiltà u determinazzjoni sabiex inkompli naħdem b’ġid għal kulħadd.
Din il-kandidatura hija kontinwazzjoni ta’ impenn li ilni nġorr għal snin twal, impenn lejn in-nies, speċjalment lejn dawk li jeħtieġu l-aktar vuċi u sostenn. Bħala social worker, rajt mill-qrib ir-realtajiet ta’ ħafna familji u individwi. Naf x’inhuma l-isfidi tagħhom u naf kemm huwa importanti li jkollna Gvern li mhux biss jifhem dawn ir-realtajiet, iżda jaġixxi b’mod konkret biex jindirizzahom.
Għalhekk, il-mistoqsija hija waħda sempliċi: għaliex l-għażla ovvja tibqa’ Gvern Laburista? Għax magħna certament li taf fejn qiegħed. Taf li f’mumenti diffiċli mhux se jħallik waħdek. Taf li hemm direzzjoni ċara u konsistenti. U fuq kollox, taf li dak li jwiegħed iwettqu.
Il-Partit Laburista għandu rekord ċar ta’ twettiq. Dak li darba kien jidher impossibbli sar realtà. Minn investiment fil-familji, għal opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ, għal sistema li tagħti aktar sigurtà lill-anzjani, dawn mhumiex wegħdiet, iżda fatti. U proprju għax wettaqna, illum nistgħu noffru aktar, ideat friski u viżjoni li tkompli tibni fuq dak li diġà nkiseb.
Il-futur li qed nipproponu huwa wieħed fejn il-wellbeing tan-nies jiġi qabel kollox. Fejn il-ħin mal-familja jingħata valur daqs ix-xogħol. Fejn il-progress ekonomiku jissarraf f’kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd. Dan huwa l-pass li jmiss għal pajjiżna.
Din hija l-għażla bejn kliem u fatti. Bejn inċertezza u stabbiltà. Bejn min iwiegħed u min iwettaq. U jiena konvinta li l-poplu Malti u Għawdxi jaf jagħżel b’għaqal.
Għax flimkien nistgħu nkomplu nibnu fuq is-suċċessi miksuba u noħolqu futur li tassew jixraq lil pajjiżna. Għax il-ħolma tiegħek tibqa’ l-proġett tagħna.


