Thursday, April 30, 2026

Flotta ġdida ta’ karozzi għall-Pulizija tar-Rapid Intervention u tar-Road Policing Unit

Aqra wkoll

Ir-Rapid Intervention Unit (RIU) u r-Road Policing Unit (RPU) se jkunu jistgħu jagħtu servizz aqwa, dan b’investiment fi flotta ta’ vetturi totalment ġdida. Total ta’ 36 vettura ġdida, 30 vettura għar-RIU u sitt vetturi għar-RPU, b’investiment ta’ aktar minn żewġ miljun ewro. 

L-inawgurazzjoni ta’ din il-flotta saret mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, flimkien mal-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi.

Dan l-investiment ifisser li n-numru ta’ vetturi disponibbli għal dawn iż-żewġ taqsimiet irdoppja, u b’hekk żdiedu b’mod sostanzjali l-kapaċitajiet tal-Pulizija u l-viżibilità madwar il-pajjiż.

Il-Ministru Byron Camilleri sostna li dawn il-vetturi, bl-istrateġija ta’ prevenzjoni li llum iħaddem il-Korp tal-Pulizija, xogħolhom hu li jkunu barra fit-triq il-ħin kollu. “Għax hekk kif dejjem sħaqt sa mill-ewwel ġurnata li ħadt ir-responsabbiltà ta’ dan il-Ministeru, l-insistenza tiegħi dejjem kienet li rridu naraw il-Pulizija tagħna fit-triq, aktar minn kollox. Preżenza fost in-nies. Għax hekk ikun hemm relazzjoni ta’ fiduċja, bejn il-Korp tal-Pulizija u l-pubbliku.” 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, sostna li dan l-investiment juri b’mod ċar kif il-Fondi Ewropej qed jiġu tradotti f’tisħiħ konkret tas-sigurtà f’pajjiżna. Huwa spjega kif, permezz ta’ kontribuzzjoni ta’ madwar €1 miljun mill-Fondi Ewropej, ġew ikkofinanzjati 16 minn 30 vettura speċjalizzata għar-Rapid Intervention Unit, li qed isaħħu l-kapaċità operazzjonali tal-Pulizija b’rispons aktar rapidu u preżenza aktar effettiva fil-komunitajiet.

Il-vetturi l-ġodda huma mgħammra bl-aqwa teknoloġija u jiffurmaw parti mill-implimentazzjoni tal-istrateġija “Malta Preparata”, li tiffoka fuq investiment kontinwu fis-sigurtà, il-prevenzjoni u l-modernizzazzjoni tal-korpi dixxiplinati.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, saħaq kif dan l-investiment qed jissarraf f’riżultati konkreti u mkejla. Fil-fatt, matul l-aħħar sena, l-uffiċjali tar-RIU wettqu aktar minn 612,000 kilometru ta’ patrol, filwaqt li saru aktar minn 3,400 road check – żieda sostanzjali meta mqabbla mas-snin preċedenti. Fl-istess perjodu, ġie rreġistrat tnaqqis fl-inċidenti serji tat-traffiku u xejriet pożittivi kontinwi fir-rata tal-kriminalità. 

Ir-Road Policing Unit, li twaqqfet fis-snin riċenti, kompliet tissaħħaħ u llum qed twettaq rwol usa’ li jinkludi mhux biss l-infurzar tar-regolamenti tat-traffiku, iżda wkoll l-investigazzjoni ta’ inċidenti serji tat-traffiku. L-uffiċjali f’din it-taqsima bbenefikaw minn taħriġ speċjalizzat barra minn Malta u qed jingħataw aktar riżorsi biex ikomplu jwettqu xogħolhom b’effiċjenza akbar.

Miżuri riċenti, fosthom l-introduzzjoni ta’ testijiet tad-droga fit-toroq, komplew isaħħu l-ħidma favur aktar sigurtà u protezzjoni għaċ-ċittadini.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport