Filwaqt li l-kampanji elettorali bdew uffiċjalment it-Tnejn li għadda, il-partiti ewlenin diġà qegħdin iressqu quddiem il-poplu għadd ta’ proposti li l-għan tagħhom hu dak li jagħtu l-viżjoni ta’ fejn iridu jieħdu lil pajjiżna fis-snin li ġejjin.
Proprju fl-ewwel jum tal-kampanja tiegħu, il-Partit Laburista ppreżenta l-ewwel sett ta’ proposti tal-manifest elettorali tiegħu. Fost dawn hemm li l-leave tal-maternità se jitla’ għal 26 ġimgħa, żieda ta’ tmien ġimgħat fuq il-leave preżenti, filwaqt li l-leave tal-paternità jitla’ minn ġimagħtejn għal xahar u jiġu introdotti sitt xhur parental leave mħallas mill-Gvern.
Minbarra f’dawn, il-PL qed jipproponi li l-bonus tat-twelid jiżdied għal €5,000 kull wild u li tul il-ħames snin li ġejjin, il-pensjonanti se jaraw żieda ta’ €50 fil-ġimgħa, li tinkludi ż-żieda tal-għoli tal-ħajja. Dan apparti l-għajnuna li se tkompli tingħata lil dawk li jixtiequ jsiru sidien ta’ darhom u lil familji b’aktar minn wild wieħed li jkollhom bżonn dar akbar. Ilbieraħ ukoll rajna lill-Partit Laburista jippreżenta aktar proposti li jkomplu jibnu fuq dawk li diġà ġew imħabbra fil-ġurnata ta’ qabel.
Dawn il-proposti jidher li qegħdin jintlaqgħu b’mod tajjeb tant li kif qal il-Prim Ministru stess, nies li ġejjin minn faxex differenti tas-soċjetà, qegħdin jgħaddu reazzjonijiet pożittivi dwarhom. Dan juri kemm il-kwalità tal-ħajja tibqa’ l-pern tal-ħidma tal-Gvern, li jrid jara li l-aspirazzjonijiet u x-xewqat tan-nies jitwettqu fil-prattika u li jkun magħhom u ta’ spalla għalihom f’kull pass li jixtiequ jagħmlu f’ħajjithom.
Dan kollu b’kuntrast mal-Partit Nazzjonalista li qiegħed iwiegħed proposti li s’issa la rajna dettalji tagħhom u wisq inqas costings dwar kemm se jiġu jiswew lill-pajjiż. Għalhekk fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjoni li jrid jieħu l-poplu fit-30 ta’ Mejju li ġej hi waħda ta’ kredibiltà, u dwar min għandu l-kompetenza, il-ħila u l-esperjenza li dak li jwiegħed ikun f’qagħda li jwettqu. U l-poplu jaf li Gvern Laburista dejjem żamm kelmtu u aħna ninsabu konvinti li jekk jerġa’ jingħata l-fiduċja, se jkompli jagħmel dan għal Malta Aqwa.


