Wednesday, April 29, 2026

100 PROPOSTA GĦAL GĦAWDEX FIL-MANIFEST TAL-PL

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-manifest elettorali tal-Partit Laburista se jinkludi fih 100 proposta għal Għawdex, liema proposti kollha kemm huma twieldu mil-laqgħat man-nies. Huwa ħabbar dan l-Erbgħa filgħaxija f’intervista li saritlu minn Melissa Vella Buhagiar f’Ta’ Sannat, Għawdex.

Dr Abela beda biex qal li jemmen li ma tistax tieħu deċiżjonijiet ta’ skala nazzjonali jekk ma tifhimx l-aspirazzjonijiet u l-prijoritajiet tan-nies. “Is-suċċess ta’ din il-leġiżlatura kien għax ħadna sensiela ta’ deċiżjonijiet f’mumenti ta’ sfidi bla preċedent. Però l-prinċipju baqa’ konsistenti – dak li nisimgħu fit-toroq, fil-pjazez. Is-sabiħ ta’ kampanja huwa wkoll li tiltaqa’ ma’ tant u tant nies.”

Il-Prim Ministru tkellem dwar ir-realtà tal-bidla kbira li saret f’Għawdex f’dawn l-aħħar ftit snin. Huwa qal li fejn Għawdex kien milqut bl-istaġjonalità fis-settur tal-ospitalità u t-turiżmu, issa għandna turiżmu li jaħdem is-sena kollha.

Huwa rrefera għaż-żjara li kellu aktar qabel f’kumpanija tat-tech, fejn qal li din iż-żjara wriet l-importanza li rnexxielhom joħolqu industriji ta’ valur miżjud f’Għawdex stess, t’opportunitajiet li jistgħu jaħtfuhom l-Għawdxin fil-gżira Għawdxija. 

Dr Abela qal ukoll li jrid jibqa’ jara lil Għawdex li jżomm il-karatteristiċi distinti tiegħu. “L-iżvilupp Għawdxi rrid narah magħġun fis-sostenibilità, fil-politika ta’ Għawdex – Gżira ta’ Villaġġi.” “Jien verament nemmen li Għawdex huwa mutur ekonomiku. Nemmen li din il-gżira għandha futur sabiħ quddiemha.”

Il-Prim Ministru żied jgħid li l-investiment kollu li hu meħtieġ għal Għawdex se jingħata. Fisser kif iċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv fir-Rabat Għawdex huwa state of the art u wera l-impenn tal-Gvern li verament jinvesti l-aqwa għal din il-gżira.

Semma wkoll l-investiment li qed isir fit-toroq fejn qal li diġà tlestew 13-il triq mill-100 triq residenzjali mwiegħda għal Għawdex fi tliet snin. Barra minn hekk, huwa tkellem dwar it-tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl.

“Se naraw li ninstallaw żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni sabiex inkomplu nsaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl. Però se nħabbar ukoll proġett ieħor importanti – it-tqegħid ta’ cable taħt il-baħar ġdid, ta’ 132kV. Mhux valur żgħir. €45 miljun li huwa nista’ nsejjaħlu hekk interconnector bejn Malta u Għawdex biex inkomplu nsaħħu s-sistema tad-distibuzzjoni tad-dawl,” qal il-Prim Ministru.

Huwa ħabbar ukoll li sa tmiem il-leġiżlatura li jmiss, jekk il-poplu jagħtihom il-fiduċja, se jaraw li jagħmlu mmodernizzar tal-iskejjel kollha f’Għawdex.

Il-Prim Ministru fakkar dwar proposta oħra tal-Partit Laburista, dik li s-servizz tal-vapur t’Għawdex ser ikun b’xejn għall-Maltin u l-Għawdxin kollha li jaqsmu bil-pass bejn iż-żewġ gżejjer.

Dr Abela semma wkoll l-investiment li se jsir fil-Gozo Channel fejn ħabbar li sal-aħħar tas-sena “se nkunu qegħdin noħorġu tender għal żewġ vapuri ġodda”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport