Il-Partit Laburista għandu kredibilità li dak li jwiegħed iwettqu, tant li l-proposti li qed jitħabbru fil-kampanja elettorali huma mibnija fuq żewġ pilastri ewlenin – il-kredibbiltà fit-twettiq tal-wegħdiet u ekonomija b’saħħitha li kapaċi ssostni dawn il-miżuri.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi enfasizza li l-proposti mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela huma mmirati biex ikunu ta’ sostenn għall-poplu f’kull stadju tal-ħajja tiegħu. Semma fost oħrajn iż-żieda fl-istipendji, iktar għajnuniet għall-first-time buyers, benefiċċji addizzjonali għall-pensjonanti u servizzi mingħajr ħlas għall-Għawdxin li jaqsmu bil-pass.
Fakkar ukoll fi proposti oħra mħabbra fil-jiem li għaddew, fosthom l-ebda taxxa fuq l-ewwel €30,000 li jaqilgħu żgħażagħ fl-ewwel tliet snin tax-xogħol full-time tagħhom, iż-żieda fil-leave tal-maternità u l-paternità, kif ukoll skemi ġodda favur ix-xiri ta’ dar. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li biex partit ikun jista’ jwettaq dawn il-proposti, irid ikollu kredibbiltà mibnija fuq riżultati konkreti. Huwa rrimarka li mill-2013 ’l hawn, il-Partit Laburista dejjem żamm kelmtu u wettaq il-maġġoranza assoluta tal-miżuri elettorali tiegħu.
Semma kif fl-aħħar leġiżlatura nkisbet rata ta’ twettiq ta’ aktar minn 82% tal-miżuri elettorali, inklużi tnaqqis fit-taxxi, żidiet fil-pensjonijiet, investiment fl-ambjent, għajnuniet quddiem l-isfidi ekonomiċi u diversi skemi favur il-familji. Dr Zrinzo Azzopardi semma wkoll kisbiet li marru lil hinn minn dak imwiegħed, fosthom il-ftehim biex Manoel Island terġa’ tingħata lura lill-poplu bħala park nazzjonali.
Min-naħa tagħha, id-Deputat Amanda Spiteri Grech qalet li dawn il-proposti huma possibbli biss grazzi għal ekonomija soda u tmexxija finanzjarja responsabbli. Qalet li mill-2013 ’l hawn, Gvern Laburista biddel ekonomija staġnata f’waħda reżiljenti li kapaċi taffaċċja sfidi internazzjonali u tipproteġi lill-familji Maltin u Għawdxin.
Dr Spiteri Grech enfasizzat l-importanza tad-deċiżjonijiet li ttieħdu biex tinżamm l-istabbiltà, b’mod partikolari s-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija.
Spjegat li l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista dwar is-sussidji tal-enerġija qed toħloq inċertezza dwar il-futur ta’ dawn il-miżuri u wissiet li nuqqas ta’ stabbiltà jista’ jwassal għal iktar pressjoni fuq il-familji u n-negozji.
Qalet li l-Partit Laburista għandu kemm il-kredibbiltà biex iwettaq dak li jwiegħed kif ukoll il-kompetenza ekonomika biex ikompli jwassal miżuri favur kwalità ta’ ħajja aħjar. Temmet tgħid li l-poplu jista’ jkun moħħu mistrieħ li l-Partit Laburista se jkompli jpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu u jibqa’ jkun magħhom f’kull pass.


