Wednesday, March 27, 2024

Bdew ix-xogħlijiet fuq il-Park & Ride tax-Xewkija li se jinkludu wkoll żona rikreattiva

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett żaru x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq il-proġett tal-Park and Ride fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Xħajma limiti tax-Xewkija.

Il-proġett se jikkonsisti f’total ta’ 24,000 metru kwadru li 12,000 metru kwadru minnhom se jkunu ddedikati għal 300 spazju għall-parkeġġ.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li biex jitnaqqas it-traffiku qawwi u l-konġestjoni fiż-żona tal-Imġarr, il-Ministeru għal Għawdex, permezz ta’ fondi Ewropej taħt il-proġett SMITHS, qiegħed jibni multi-modal hub fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Xħajma limiti tax-Xewkija. Huwa spjega li l-għan tal-proġett huwa li tiġi rriġenerata ż-żona u tkun trasformata fi spazju għall-parkeġġ ta’ 300 vettura u spazji dedikati għal charging ta’ vetturi elettriċi u pedelecs. Dan iċ-ċentru se jinkludi wkoll bini ta’ terminal għall-karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li proġett bħal dan jidħol fil-miri li għandu l-gvern, jiġifieri li nkomplu ninvestu fi proġetti favur carbon neutrality u proġetti ħodor. “Bil-programmi operattivi l-ġodda, kommessi li se nkomplu nżidu iżjed investimenti simili ħalli nsebbħu pajjiżna u ntejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin,” qal Dr Bonett.

Permezz ta’ dan il-proġett se titranġa triq eżistenti u tingħata t-tarmak, se jkun hemm aċċess pendonali u se jkun hemm ilqugħ għall-ilma tax-xita li se jinġabar f’ġibjun. F’dan il-proġett se jkun qed jinbena sular wieħed u se jiġi introdott green roof fuq iż-żona tal-parkeġġ li jipprovdi faċilità ta’ rikreazzjoni fil-beraħ.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li permezz ta’ dan il-proġett is-sit se jiġi utilizzat għall-użu li oriġinarjament kien maħsub għalih.

Ekonomija

Sport