Monday, April 29, 2024

€2,000 multa talli hedded li joqtol Pulizija x’ħin marru jarrestawh

Aqra wkoll

Raġel ta’ 51 sena ġie kkundannat sena ħabs sospiża għal erba’ snin kif ukoll ġie mmultat €2,000. Hu nstab ħati li fis-16 ta’ Mejju tal-2022 hedded li joqtol uffiċjal tal-pulizija li marru biex jarrestawh fil-Ħamrun. Flimkien ma’ uffiċjal tal-pulizija kien hemm erba’ uffiċjali oħrajn li kollha taw ix-xhieda tagħhom fil-Qorti.

Il-prosekuturi, l-Ispetturi Clayton Camilleri u Andy Rotin qalu fil-Qorti li kienet ippreseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, li l-akkużat hedded lil Pulizija meta qallhom “il-Qorti ma mmorru mkien. Taf kif immorru l-Qorti? Xi ħadd minna jmut,” kif ukoll li m’obdiet l-ordnijiet tagħhom.

Mill-bodycams tal-uffiċjali tal-pulizija jirriżulta li l-akkużat irrifjuta li jidħol fil-vettura tal-Korp. Hu nstab ħati wkoll li b’dan il-każ kiser waħda mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Ir-raġel ġie akkużat ukoll ta’ liema akkuża ma nstabx ħati, li tlett ijeim qabel ma ġie arrestat kien mar l-Uffiċju tas-Sigurtà Soċjali tal-Ħamrun fejn hedded lill-ħaddiema b’sikkina tal-ħobż u lil ħaddiem ieħor bit-telephone. Allegatament wettaq dan l-att wara li ma rċiviex iċ-ċekkijiet intitolati għalih.

Huwa lanqas ma nstab ħati li pprova jweġġa’ lill-ħaddiem, la li kkaġunalu biża’ li se juża vjolenza kontrih u lanqas li kiser il-bon ordni. Il-Qorti lanqas ma sabet lill-akkużat ħati li dakinhar huwa ġarr sikkina bla liċenzja. Dan, peress li l-Pulizija, fil-Qorti, ma xehditx dwar liema armi l-imputat kien awtorizzat iġorr. Huwa lanqas ma nstab ħati li sar reċediv.

Il-Maġistrat fis-sentenza tagħha qalet li l-akkużat għandu problemi biex jikkontrolla r-rabja u li “xeba’ jaħli ħajtu dieħel u ħiereġ mill-ħabs.” Sostniet li l-fedina penali tiegħu għandha 30 faċċata b’diversi kundanni, fosthom dwar serq, instigar ta’ minorenni għall-prostituzzjoni u pussess ta’ droga.

Il-Qorti minbarra li ordnat lill-akkużat biex iħallas il-multa, poġġietu taħt ordni ta’ superviżjoni u ta’ trażżin għal tliet snin. Il-Maġistrat ordnat ukoll il-konfiska favur il-Gvern ta’ €1,000.

Għall-parte civile dehru l-Avukati Elaine Degiorgio u Alexia Farrugia Zrinzo.

Sport