Tuesday, April 23, 2024

Raġel jinżamm arrestat b’rabta ma’ allegat stupru li seħħ 7 snin ilu

Aqra wkoll

Raġel mill-Kuwajt, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti inżamm arrestat wara li ġie mixli bi stupru li allegatament seħħ seba’ snin ilu. Hu tressaq il-Qorti mill-Ispettur Dorianne Tabone quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana.

L-Ispettur Tabone qalet li kienet ħadet dan il-każ f’idejha fl-aħħar xhur. Hija akkużat lir-raġel li stupra, li żamm persuna kontra l-volonta tagħha, li weġġa’ ħafif lill-mara u li kellu l-kokaina fuqu li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Fil-Qorti ġie spjegat li wara l-allegat stupru kien ferm diffiċli biex ir-raġel jinstab minħabba li xogħlu kien jinvolvi li jivvjaġġa fuq il-jottijiet. L-Ispettur qalet li l-Korp ħareġ diversi sejħiet internazzjonali biex ir-raġel jinstab iżda hu qatt ma reġa’ ġie lejn Malta.

Kien dan l-aħħar meta l-Pulizija rċiviet informazzjoni li r-raġel kien ilu Malta għal xi xahar, u b’mod immedjat inħareġ mandat t’arrest.

L-akkużat wieġed mhux ħati tal-akkużi bid-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Iżda t-talba sabet oppożizzjoni kbira mill-prosekuzzjoni għax fost l-oħrajn l-allegat vittma għad trid tixhed. Aktar minn hekk il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat għandu rabtiet kbar ma’ pajjiżi oħrajn u kien diġà ferm diffiċli biex jiġi arrestat.
Min-naħa tagħha d-difiża qalet li dan l-allegat każ seħħ f’Marzu tal-2016 u li l-mara għamlet ir-rapport u kienet infeħet inkjesta li tlestiet fl-2018. Id-difiża qalet li l-allegat vittma diġà tat ix-xhieda tagħha taħt ġurament matul l-inkjesta.

Aktar minn hekk, id-difiża qalet li bejn l-2018 u l-2023 il-pulizija qatt m’arrestatu. Argumentat li l-investigazzjoni ħadd ma kien qed jagħti każa sakemm l-Ispettur Tabone ħadet il-każ f’idejha.

Qalet li kontra dak li qalet il-prosekuzzjoni l-akkużat mar kemm-il darba l-għassa jagħmel rapporti dwar affarijiet oħrajn li mhux relatati mal-każ u ħadd qatt m’arrestah. Id-difiża qalet li mhux veru li kien diffiċli li jinstab minħabba li kien instab ħati ta’ kontravenzjoni oħra u hemm lanqas ħadd m’arrestah. L-akkużat ivvjaġġa kemm-il darba minn u lejn Malta u fl-ajruport qatt ma sab problemi.

Id-difiża kompliet tgħid li l-akkużat ilu jgħix fl-istess dar mill-2008 u sa jumejn ilu qatt ma kien jaf li qed jiġi investigat b’allegat stupru.

Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni, qalet li l-akkużat qatt ma nstab fl-indirizz irreġistrat u li t-talbiet, li saru anke internazzjonalment, jinsabu rreġistrati. Qalet li mhux minnu li l-vittma xehdet fl-inkjesta.

Il-Qorti ordnat li r-raġel jinżamm arrestat u hekk kifsema’ d-deċiżjoni tal-Qorti, l-akkużat beda jibki.

Sport