Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, f’attività politika intitolata “Iva, favur il-ħajja” insista li l-ħidma kontra l-emenda tat-tqala mhix ġlieda politika partiġġjana jew tal-PN imma ġlieda tal-poplu kollu. Filwaqt li huwa sostna li bħala partit huma mhumiex jippolitiċizzaw din il-ġlieda huwa spjega li t-tarbija fil-ġuf hija ħajja li kellha l-grazzja li ssir u li titwieled.
“Mhux se nħallu lil xi ħadd iwaqqafna u huwa żball kbir li jkun hemm min jagħlaq ħalqu għax jibża’. Jekk ma niddefendux il-ħajja, x’se niddefendu?”, staqsa l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Fid-diskors tiegħu Bernard Grech fakkar il-memorja ta’ ommu li mietet din il-ġimgħa fejn qal li ommu dejjem għallmithom li għandhom jirrispettaw lil kulħadd u li ħadd m’huwa aħjar minn ħadd. “Ommi kienet tgħidilna biex nibżgħu għan-nisa tagħna u t-tagħlim tagħha ma kienx biss tal-kliem imma, anke bil-fatti. Għalmitna nagħmlu kollox għax dejjem kienet temmen li fil-familja għandu jikkontribwixxi kulħadd u mhux ir-raġel jaqra l-gazzetta. Jien kburi li meta kellna t-tfal għażilt li noqgħod aktar id-dar biex nieħu ħsiebhom,” irrakkonta Grech.
Huwa qal li fir-rigward tal-abort, il-valuri huma kif tgħid u kif iġġib ruħek b’rispett mar-relazzjonijiet li jkollok ma’ ħaddieħor. Insista li, “għalhekk id-diskors tal-abort għandu jsir b’rispett kbir lejn il-mara li f’dak il-mument ta’ sfidi u meta tkun l-aktar vulnerabbli, is-soċjetà għandha tkun hemm biex tgħinha u tagħtiha jekk ikun hemm bżonn post fejn tgħix, kura medika, għajnuna finanzjarja, wens u protezzjoni u mhux nagħtuha l-għażla li tagħmel l-abort”.
Huwa qal li f’dak il-mument għandna l-akbar dmir li nipproteġu lil dik it-tarbija u li bħalissa bħala pajjiż għandna niddiskutu minflok kif nistgħu ntejbu l-għajnuna għal dawk li jaħsbu li m’għandhomx soluzzjoni aħjar minn dik li jagħmlu l-abort.
“Jien kont għid li jien kontra l-abort u llum il-ġurnata dwar dan ħadd m’għandu dubju. L-importanti huwa li niddiskutu kif se ngħinu aktar lil dik l-omm u lil dak il-missier u minflok niġġudikawhom, għandna nempatizzaw magħhom”. Grech saħaq fl-importanza li tinbidel il-mentalità li t-tfal jaqgħu fuq l-omm għax il-missier għandu jġorr ir-responsabbiltajiet tiegħu fir-rigward.
Il-Kap tal-PN temm iqajjem kuxjenza fuq kif bħala pajjiż għandna ngħinu lin-nisa vittmi ta’ vjolenza domestika, ta’ stupru jew ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol. “Għax dawn huma l-pjagi li rridu niddiskutu – il-ħajja u s-saħħa tal-mara mhux kellna qtil ta’ nisa għax ma kelhomx protezzjoni. Mela ejja naħdmu u nkunu flimkien favur il-ħajja,” temm Bernard Grech.