Wednesday, April 24, 2024

Bħal lum 130 sena twieled Frenċ tal-Għarb

Aqra wkoll

Bħal lum 130 sena fir-raħal żgħir tal-Għarb Għawdex twieled Francis Xavier Mercieca jew kif inhu magħruf aħjar bħala Frenċ tal-Għarb.

Frenċ bħal ħafna nies oħrajn ta’ dak iż-żmien kien ġej minn familja fqira ħafna fejn hu stess jammetti li ma kellux ix-xorti li jitgħallem l-iskola. Kien jaħdem bħala bdiwi fl-istess raħal iżda minħabba l-għerf li kellu kien jiġbed ħafna nies warajh. Hu kien it-tmien wieħed minn familja ta’ 11-il wild.

Minn meta kien żgħir Frenċ kien devot ħafna tal-Madonna u kien jgħallem ħafna dwarha. Kellu devozzjoni kbira lejn il-Madonna Ta’ Pinu, tant li llum il-fdalijiet tiegħu jinsabu fl-istess Santwarju.

Eluf ta’ nies kienu jmorru l-Għarb biex jitolbu pariri ta’ fejqan mingħand Frenċ, fejn anke jingħad li l-Isoqf Ġużeppi Pace kien imur jitkellem miegħu. Jingħad li darba l-Isqof Pace kien talab lil Frenċ xi kura għal bint in-neputija tiegħu li kienet ma tiflaħx.

Skont dak miktub dwar Frenċ kien hemm ħafna Ingliżi li kienu jmorru għandu u saħansitra nies minn Sqallija li marru apposta Għawdex biex jingħataw il-kura li kien joffri.

Meta darba kien mistoqsi kien qiegħed ifejjaq daqshekk nies bil-mediċina li kien joħloq hu stess Frenċ kien wieġeb biss “jien qatt ma ħdimt fi sptar u lanqas qatt ma ħdimt ma’ spiżjar”.

Mhux kollox kien faċli għal Frenċ hekk kif in-nies mingħand it-tobba Għawdxin bdew jonqsu minħabba li kulħadd beda jmur għandu. Tant li xi tobba Għawdxin riedu jieħdu passi kontra tiegħu. It-tobba bdew jaraw il-mediċina li kien joffri Frenċ lin-nies, però qatt ma setgħu jkunu jafu kif saret.

Il-ħidma kontra Frenċ tal-Għarb kompliet għaddejja u minħabba li kien ifejjaq ħafna nies, fil-11 ta’ Ġunju tal-1938 hu tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Karmnu Parnis. Hu kien akkużat li qiegħed jagħmilha ta’ tabib mingħajr m’għandu liċenzja tal-Kap tal-Gvern.

Għal dawn l-akkużi Frenċ kien instab ħati, però minħabba l-kondotta tajba tiegħu ma kien weħel xejn.

Jingħad ukoll li Frenċ ta’ Għarb għamel diversi profeziji.

Sport