Il-Liġi l-ġdida dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol se ġġib bidliet importanti li mhux biss iħarsu lejn il-qafas amministrattiv tal-Awtorita dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol imma li ser tkun qed tirregola u tinforza b’mod aktar b’saħħtu lil dan il-qasam.
Dan intqal mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi meta kien qed jitkellem fil-Parlament fl-istadju tat-Tieni Qari dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Il-Ministru Zrinzo fakkar li din il-Liġi waslet fil-Parlament wara proċess sħiħ ta’ konsultazzjonijiet ma’ diversi stakeholders u l-pubbliku inġenerali. Dan il-proċess kien inbeda għaliex wara aktar minn 20 sena tat-tħaddim ta’ l-ewwel liġi li kienet waqqfet l-OHSA, mill-uffiċjali stess tal-Awtorita kien qed jinħass il-ħtieġa li jsir aġġornament tal-liġi oriġinali li l-għan prinċipali tagħha kien li propju titwaqqaf din l-Awtorita. L-Iżvilupp importanti li qed ikun diskuss illum huwa li l-liġi l-ġdida mhux biss titkellem dwar dak li huwa amministrattiv imma taħseb ukoll biex b’mod b’saħħtu tirregola s-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol.
Huwa fakkar kif propju fil-jum dinji iddedikat għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, fit-28 t’April tas-Sena l-oħra, huwa kien nieda l-White Paper dwar din il-Liġi li issa prinċipji u mekkaniżmi msemmija fiha se jitħaddmu billi l-Liġi tkun ikkumplimentata b’numru sostanzjali ta’ liġijiet sussidjarji fil-forma ta’ Avviżi Legali. Dan għaliex hemm avviżi legali li jridu jidħlu f’din il-liġi għax kienu diġa preżenti fil-liġi ezistenti u oħrajn ġejjin minn direttivi tal-Unjoni Ewropea.
Fost l-aktar bidliet importanti fil-Liġi l-ġdidahemm li qed jiġu ċċarati aspetti ta’ natura amministrattiva partikolarment it-tip ta’ għodod li ser tkun qed tintroduċi din il-liġi bil-għan li l-infurzar tagħha ikun aktar effettiv.
Huwa qal li bit-tibdil propost se jkunu qegħdin jiġu ċċarati li rwoli kemm tal-Bord kif ukoll tal-amministrazzjoni tal-Awtorita biex ikun hemm ic-checks and balances mehtieġa u kull parti tkun taf x’inhu li rwol rispettiv tagħha. Bil-mekkanizmi li qed jinħolqu, kull parti ser tkun taf fejn u meta għandha tintervjeni fiċ-ċirkostanzi li jinqalghu.
Dan l-abbozz ta’ Liġi, stqarr il-Ministru Zrinzo Azzopardi, qed idaħħal il-kuncett ġdid ta’ strumenti amministrattivi, biex fejn ikun hemm bzonn ta’ strument legali urgenti li jkollu s-setgħa daqs dak ta’ Avviż Legali, dan ikun jista’ jidħol fis-seħħ aktar malajr biex b’hekk l-OHSA jkollha f’idejha strument biex tintervjeni aktar malajr.
Il-Liġi l-ġdida qed tipprovdi wkoll għat-tħaddim ta’ mekkaniżmu ġdid dwar multi amministrattivi ħalli jkun hemm ukoll distinzjoni bejn dawk il-każi li jkunu jistgħu jiġu deċiżi mill-istess Awtorita b’sanzjonijiet amministrattivi u dawk li jkunu jeħtieġu proċeduri skont il-kodiċi kriminali.
Il-Ministru saħaq fuq l-importanza li jissaħħaħ l-għarfien dwar l-importanza tas-saħħa u s-sigurta fil-postijiet kollha tax-xogħol ħalli tikber il-kultura favur dan il-qasam kemm min-naħa ta’ min iħaddem kif ukoll l-impjegati.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi temm jgħid li l-liġi li għandu quddiemu l-Parlament mhijiex waħda li qed tagħmel l-aġġornament meħtieġ fil-liġi ta’ qabel imma waħda li qed tagħmel tibdil meħtieġ, tibda li se jagħti setgħat aħjar lil min jamministra din il-liġi. Huwa qal li l-OHSA hija l-mezz kif tagħmel dan imma l-liġi l-ġdida għandha bħala għan ewlieni li tħares is-saħħa u s-sigurta fuq il-postijiet tax-xogħol kollha.