Thursday, March 28, 2024

BINARJU WIEĦED?

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Mhux se jkun hemm punt fil-proċess li bih dwar il-qtil faħxi tas-sinjura Caruana Galizia l-partijiet kollha nvoluti jaslu għal tmiem denn – li bih is-sofferenzi u l-fallimenti jiġu magħrufa, maqbula, aċċettati u kkumpensati.

L-apprezzamenti għadhom imbiegħda wisq u ma nistax nara kif jistgħu jinġabu qrib ta’ xulxin. Għidt l-“apprezzamenti”: stajt għedt minflok, l-“interessi”. Il-qtil u x’ġara wara tħabbel wisq f’perspettivi kontrastanti dwar il-verità. Biex tagħqad, kellna fil-bigħa atturi legali b’interess politiku lampanti. 

B’hekk naraw isiru ġesti simboliċi u konkreti li suppost joħolqu punti ta’ kuntatt biex minnhom tispunta fehma waħda magħquda li ġġib lil kulħadd flimkien. Mhux hekk qed jiġri. Naħa ssostni li mhux isir biżżejjed biex ir-responsabbiltajiet ikunu rikonoxxuti u kkumpensati. Naħa oħra tinnota kif mhijiex tintqal il-verità kollha, mhux l-anqas dwar il-vittma nnifisha.

M’hemmx għeluq sodifaċenti meta ma jkunx hemm binarju wieħed li fuqu tkun qed tinħadem ir-rikonċiljazzjoni (jekk din hi l-kelma t-tajba) – jew talanqas, jekk hemm żewġ binarji u aktar, dawn ma jkunux qed jitressqu lejn xulxin.

***

IMPJIEGI 

M’għandix dubju li qed isir jew diġà sar għax hu kruċjali – studju dwar il-qagħda tal-impjiegi fis-settur privat.

Fiż-żmien li ġej, il-gvernijiet kollha, tagħna inkluż, se jnaqqsu r-rata li biha jissussidjaw l-ekonomija ħalli jżommuha fil-wiċċ minkejja l-isfortuni tal-pandemija. L-għajnuniet lill-impriżi ma jistgħux jibqgħu għaddejja għal dejjem; kulħadd kien jafha dil-ħaġa.

Imma t-tnaqqis u t-tneħħija tas-sussidji se jġibu pressjoni x’aktarx qawwija fuq l-impjiegi fis-settur privat. Numru ta’ impjiegi jistgħu ma jibqgħux vijabbli. 

Dan m’għandux x’jaqsam mal-politika partiġġjana imma ċ-ċansijiet huma kbar li l-kwistjoni kollha titħabbel mal-kalkoli elettorali li jsiru min-naħa politika u mill-inħawi tat-tmexxija ekonomika.

***

ĦBIEB TAL-ĦBIEB

Li pajjiżna għadu maqbud f’sistema ta’ tmexxija li tiddependi ħafna fuq xbieki ta’ ħbieb tal-ħbieb hi ħaġa ċarissima. Fiż-żmien ta’ gvernijiet Nazzjonalisti, dan l-argument kien jiġi ridikolat. Mhux aktar. Esponenti tal-partit illum fl-Oppożizzjoni u “fellow travellers” tiegħu, jużawh bla waqfien kontra l-gvern Laburista.

Imma l-femomenu għadu jeżisti bil-kbir fil-kamp tagħhom – jew dak li baqa’ minnu.

Wieħed jinnotaha fil-mod kif jiġu spustati l-aħbarijiet u l-kummenti. Kif pereżempju jissemma biss il-bank tal-Pilatus u mhux xi wieħed jew tnejn oħra fejn kienu mdaħħla ċerti nies?

Kif, nagħmlu mod, meta titqanqal il-biċċa ta’ min mar u ma marx għat-tieġ ta’ sid il-bank imsemmi, jissemmew bħala mistednin minn Malta xi ismijiet u jitħallew barra isem jew ismijiet oħra li mhumiex tal-istess pezza?

Ħbieb tal-ħbieb? F’Malta tagħna? U f’kull rokna tagħha? Le, ta’… f’naħa waħda biss!   

Ekonomija

Sport