Wednesday, March 13, 2024

BINI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Sibtha stramba waqt li naqra r-rapporti li ħarġu għall-bidu fil-medja dwar it-traġedja kbira li seħħet fil-qasam industrijali ta’ Kordin kif ftit li xejn intqal dwar x’kien ix-xogħol li kien għaddej biex tinbena fabrika ġdida. X’fabrika kienet? Min kien li qed itella’ l-bini? Min kien li qed jordnah? Kif kien qed jitwettaq ix-xogħol?

Ċertament mhumiex mistoqsijiet li m’għandhomx rilevanza għal x’ġara.

Meta bini jaqa’, dan ma jiġrix b’kumbinazzjoni. X’wassal għalih hu importanti li jsir magħruf malli l-inċident  iseħħ.

B’xorti ħażina, fl-aħħar snin qed ikollna wisq inċidenti ta’ dat-tip f’siti ta’ kostruzzjoni… bħal meta qed ikollna wisq inċidenti fit-traffiku u f’każi ta’ vjolenza domestika, fost oħrajn.

L-isfond tat-traġedja f’Kordin irid jinżamm bħala parti mill-istorja tal-ġrajja. Għax mhuwiex biss sfond imma hu element fondamentali f’dak li ppermetta li t-traġedja sseħħ. 

TEST QAWWI

Il-kontroversja għaddejja dwar bidla fil-liġi fejn din titkellem dwar l-abort hi waħda tal-akbar importanza. Tiddetermina fejn bħala soċjetà se nkunu qed insibu t-tifsira ta’ dak li jgħaqqadna bħala nazzjon – il-valuri u r-regoli li nixtiequ nirrispettaw.

Il-kontroversja taqta’, kif ħafna diġà qalu, naħa u oħra, maż-żewġ naħat tal-firxa politika. Fi ħdan il-partiti, jeżistu  fehmiet differenti dwar l-abort. Diffiċli tifhem kif jista’ jinstab kompromess sodisfaċenti għal kulħadd, mingħajr ma l-ebda naħa tħoss li qed ikollha tirtira fuq il-valuri tagħha. 

Hi sfida qawwija għall-amministrazzjoni Laburista. Mhijiex kontroversja li tolqot il-bwiet imma dak li n-nies taħseb dwar x’jagħmilha “nies”. Meta qamet il-kontroversja dwar id-divorzju, l-amministrazzjoni ta’ Lawrence Gonzi ħarġet koppi. La fehmet is-sentimenti tal-poplu u lanqas it-tattiċi ta’ min ried idaħħal id-divorzju. Il-gvern Laburista ma jistax, min-naħa l-oħra tal-mera, jagħmel l-istess żbalji.

FOOTBALL JEW ĊESS?

Waqt li l-kompetizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tkompli għaddejja, bilfors jidħol dubju f’moħħ min bħali, m’għandu l-ebda pretensjoni li jista’ jitqies bħala xi espert fil-logħob. Dan qanqal numru ta’ sorpriżi, kif wieħed jistenna minn taqtigħa simili. Il-mossi u kontra-mossi tal-iskwadri involuti daqqa kienu brillanti, daqqa kienu belha. Mill-ġdid, kif wieħed jistenna.

Li ħallieni kurjuż dwar li qed jiġri hu kif il-logħbiet u l-analiżi li jsiru tagħhom donnhom mhumiex tal-futboll kif niftakru jien fi żminijiet oħra. Minflok attakki u sforzi difensivi bla nifs, kważi ddisprati, il-movimenti fil-logħba aktar qishom eżerċizzji taċ-ċess mill tal-ballun.

Xi ħadd qalli, naħseb bir-raġun: Imma kif titħajjar tippontifika fuq il-futboll tal-lum? L-affarijiet avvanzaw bil-kbir minn żminijiet meta Pele u sħabu kienu jiddomninaw il-logħob tat-Tazza tad-Dinja. OK, naqbel.  Imma ċ-ċess jibqa’ ċ-ċess u l-futboll jibqa’ l-futboll.

Ekonomija

Sport