Kienet ġimgħa memorabbli u mimlija suċċess għall-kontinġent Malti fit-Tazza tan-Nazzjonijiet tal-Blackball 2026 f’Ġibiltà, hekk kif it-timijiet nazzjonali kisbu tliet midalji tad-deheb f’kategoriji differenti kisba li se tibqa’ miktuba b’ittri tad-deheb fl-istorja ta’ dan l-isport.
L-ewwel suċċess wasal mill-kompetizzjoni tal-individwali tas-seniors fejn Chris Tabone kiteb paġna oħra ġdida fl-istorja ta’ din il-logħba hekk kif sar l-ewwel Malti li qatt rebaħ din il-kategorija. Fil-finali, Tabone wera determinazzjoni u kontroll eċċellenti biex għeleb lill-Iskoċċiż Graham Dunbar bl-iskor ta’ 7-5.
It-tieni midalja tad-deheb waslet mit-tim nazzjonali tal-irġiel immexxi minn Clevion Micallef. It-tim Malti magħmul minn Clayton Castaldi, Wayne Pace, Johan Attard, Mevrick Zammit, Miguel Amato, Lydan Debono u Gary Carr kellu kompetizzjoni perfetta u rebaħ il-kompetizzjoni bla telfa, b’wirjiet konsistenti u maturità kbira tul il-ġimgħa kollha. Il-finali kkonfermat is-superjorità tagħhom, hekk kif Malta għelbet lill-avversarji tagħha u żiedet it-tieni deheb mal-kollezzjoni diġà impressjonanti.
Sadanittant, it-tielet suċċess wasal mit-tim ta’ taħt it-23 sena mmexxi minn Duncan Edwards. Il-plejers Nick Muscat, Nordai Desira, Casdy Vella, Steven Muscat, Chaylon Castaldi u Matthias Debono taħt it-tmexxija tal-kowċ Duncan Edwards komplew juru futur promettenti għall-blackball Malti hekk kif fil-finali għelbu lill-Iskozja 13-8, b’wirja mill-isbaħ minn Casdy Vella.
B’dan it-trijonf, Malta mhux biss iċċelebrat tliet midalji tad-deheb, iżda wkoll wriet li hija forza dejjem tikber fil-blackball Ewropew.


