Ħafna jistqarru l-bżonn ta’ bidla fil-mod kif titkabbar u titmexxa l-ekonomija tagħna. Parti essenzjali minn dil-bidla bilfors trid tkun tnaqqis fir-rankatura ta’ ċerti setturi ekonomiċi anke waqt li oħrajn jiġu mbuttati ’l quddiem.
Tqum il-mistoqsija: kif jistgħu setturi ekonomiċi jiġu rrankati lura mingħajr ma tbati l-ekonomija kollha kemm hi? Għalhekk ħafna jemmnu li m’hemmx mod ieħor ħlief li dat-tnaqqis iseħħ bil-lajma. Biss, wieħed jinnota li ta’ spiss meta dan isir, jew jintqal li qed isir, filfatt kollox jibqa’ kif kien.
Igħidulek: jekk il-gvern jara kif iwaqqaf ħesrem xi settur, jirriskja li jwaqqaf zobtu l-ekonomija kollha kemm hi.
Forsi aqwa minn hekk, ir-riskju għall-gvern hu li l-promoturi tas-settur konċernat jaraw kif iqajmu kontrih it-tempesti kollha.
ŻEWĠ STATI
Wieħed jifhem kif u għaliex Iżrael telaq biex ikisser lill-Ħamas wara l-attakki atroċi ta’ Ottubru mill-Gaża. Biss, żgur li ħadd ma jista’ japprova l-mod kif il-popolazzjoni ċivili ta’ Gaza (mhux Ħamas) spiċċat qed issofri minn attakki u ħruxijiet li jammontaw għal atti kriminali ta’ gwerra.
B’hekk reġgħet ittellqet ġirja oħra ta’ ħruxija u kontra-ħruxija f’kif żvolġiet l-istorja moderna tal-Palestina. Bħala l-potenza li għandha l-aqwa saħħa militari fiż-żona, kellu jkun Iżrael li jtellaq l-aqwa sforz biex tinstab soluzzjoni għal din il-problema qerrieda. Mhux dejjem kien kollox ħtija tal-Iżrael imma fl-aħħar snin, il-gvernijiet Iżraeljani ma urewx ruħhom lesti biex jidħlu għal din l-isfida.
Jekk gvern Iżraeljan ma jaċċettax b’rieda tajba s-soluzzjoni ta’ żewġ stati fil-Palestina ma nafx kif qatt nistgħu nittamaw li tinstab paċi fil-“Lvant Nofshani”.
LINJI ĦOMOR
Fil-Parlament Ewropew, meta titressaq riżoluzzjoni għall-vot, dan jittieħed fuq klawsoli tar-riżoluzzjoni u fl-aħħar fuq it-test kollu. Vot jittieħed billi meta jissejjaħ, il-president tal-laqgħa j/tinnota xinhuma l-preferenzi tal-gruppi politiċi. Jew inkella meta jkun hemm il-bżonn jew meta ssir talba għal dan, billi d-deputati preżenti jivvotaw direttament fuq li qed jiġi propost. B’hekk juru wieħed wieħed u waħda waħda, iridu jew ma jridux jappoġġjaw il-klawsola involuta. Fl-aħħar, jittieħed vot fuq ir-riżoluzzjoni kollha kemm hi, bil-klawsoli tagħha kif approvati.
Grupp politiku jew deputat jistgħu iqisu li klawsola jew klawsoli li ġew approvati huma morri “wisq” u javvelenaw ir-riżoluzzjoni kollha. Iqisuhom bħala “linja ħamra”. Allura jivvotaw kontra r-riżoluzzjoni kollha. Pereżempju: deputat jista’ jħoss li klawsola dwar l-abort li daħlet fir-riżoluzzjoni (u li hu ivvota kontriha) kienet inaċċettabbli għal kollox. Qabżet linja ħamra. Jekk ma jivvotax kontra r-riżoluzzjoni kollha kemm hi, juri li ma jqisx il-kwistjoni tal-abort bħala linja ħamra.