Sunday, May 5, 2024

“Budget b’miżuri li jassiguraw li jkompli jkollna aktar tkabbir ekonomiku”

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol f’pożizzjoni li jħabbar budget pożittiv minħabba r-reżiljenza ta’ pajjiżna matul il-pandemija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Aktar kmieni din il-ġimgħa tħabbar li sa issa din is-sena twettqu 79% tal-miżuri li ġew ippreżentati fil-budget 2021. Din hija rata ta’ implimentazzjoni ta’ 7% aqwa mill-medja perċentwali f’dawn l-aħħar tmien snin. 

Jumejn biss ’il bogħod mill-qari tal-budget 2022, wara sensiela ta’ diskussjonijiet indirizzati mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, fejn wieġeb għal ħafna mistoqsijiet relatati mingħand diversi persuni u entitajiet li attendew jew bagħtu l-ħsibijiet tagħhom, dan s-sit ħa l-opportunità biex tkellem lill-Ministru Caruana.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana spjega li x-xogħol fuq il-budget għas-sena d-dieħla, li se jiġi ppreżentat għada, huwa kważi finalizzat.

Caruana żied jgħid li dan il-budget li se jitħabbar għada se jkun qiegħed jirrakkonta storja. Se tkun l-istorja ta’ kif dan il-pajjiż irnexxielu jqum għall-isfidi li kellna f’dawn l-aħħar sena u sitt xhur.

Jirrakkonta wkoll dwar pandemija li tat daqqa lill-ekonomija ta’ pajjiżna, iżda li dan il-gvern bil-miżuri li ħa rnexxielu jsalva l-impjiegi u minħabba li l-ekonomija baqgħet reżiljenti, matul id-diskors ta’ għada se jkun jista’ jħabbar diversi miżuri li se jkomplu jgħinu fil-qasam soċjali. 

Il-Ministru żied jgħid li minħabba li huma konxji mill-fatt li jeħtieġ li pajjiżna jkollu suq tax-xogħol b’saħħtu, dan il-gvern se jkompli jħabbar aktar miżuri fil-qasam tax-xogħol li jinċentivaw lill-ħaddiema u lil min iħaddem.

Tkellimna dwar il-politika Nazzjonali tax-Xogħol u jekk il-gvern jikkunsidrax jintroduċi mill-ġdid il-ftuħ tal-iskejjel tas-snajja u teknoloġija minħabba li mhux kulħadd għandu l-abbilità li jwassal għal-livell ekonomiku. Caruana ma’ talk.mt qal li l-ewwel pass huwa li jittieħed stock take tal-ħiliet li għandna f’pajjiżna. Il-Ministru qal li dan se jkun bħal ritratt tas-swieq tax-xogħol fi proċess li mistenni jibda għall-ħabta ta’ Frar jew Marzu tas-sena d-dieħla. Minn hemmhekk jittieħdu d-deċiżjonijiet ta’ kif l-aħjar li l-gvern jimxi ’l quddiem biex jinvesti fl-aħjar interess ta’ kulħadd.

Caruana tenna jgħid li “l-għan prinċipali ta’ aktar tkabbir ekonomiku jkun dak li t-taxxi li l-gvern jiġbed minnu jkunu jistgħu jintefqu fis-soċjal, fl-ambjent, fl-infrastruttura, fis-saħħa u diversi oqsma oħra biex ikun żgurat li Malta li rridu nħallu lil uliedna tkun Malta aħjar”.

Sport