Saturday, December 21, 2024

Budget li jgħin aktar lill-familji… aktar tnaqqis ta’ taxxi

Aqra wkoll

Għar-rigward tad-dħul tal-familji, il-Ministru fakkar li fl-ewwel budget ta’ din il-legiżlatura il-Gvern kien wiegħed li jnaqqas it-taxxa mill-ewwel sena tal-leġislatura iżda ċ-ċirkostanzi li żviluppaw dakinhar, fl-ewwel kwart tal-2022 wasslu biex dan il-ħsieb jiġi pospost minħabba li l-prezzijiet tal-enerġija fis-swieq internazzjonali splodew. Dakinhar, kien jagħmel aktar sens li l-Gvern jassorbi dak l-impatt u ma jitfa l-ebda piż fuq in-negozji u l-konsumatur. Deċiżjoni li kienet importanti u kruċjali. B’dik id-deċiżjoni pajjiżna llum huwa aktar b’saħħtu.

Huwa fakkar li dik id-deċiżjoni, fl-2022 biss swiet mat-€350 miljun. Illum sentejn wara kulħġadd jagħraf l-importanza ta’ dik id-deċiżjoni hekk kif pajjiżna jgawdi mill-ogħla tkabbir rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea.

Hekk kif il-piż tas-sussidju naqas b’aktar min-nofs u d-defiċit tal-pajjiż niżel, ninsabu f’pożizzjoni li nwettqu dak li wegħedna. L-ispiża fl-aġġustament tat-tax bands ser tammonta għal madwar €140 miljun aktar fi bwiet il-ħaddiema kollha mis-sena d-dieħla.

Il-Ministru Caruana fisser fid-dettalji ta’ din il-miżura fuq tliet komputazzjonijiet u qal li l-komputazzjoni singola li tiġbor fiha kważi 70% ta’ dawk li jħallsu t-taxxa, mis-sena d-dieħla l-ammont li fuq ma titħallas taxxa se jiżdied minn €9,100 għal €12,000 filwaqt li r-rata ta’ 15% ser tkun applikabbli għal bejn €12,001 u €16,000. Bejn €16,001 u €60,000 ikun bil-25%. Dħul ‘il fuq minn €60,000 jibqa bil-35%.

Il-Ministru qal li dan ifisser li ifisser li kulmin iħallas it-taxxa taħt din il-komputazzjoni se jiffranka bejn €435 u €675 fis-sena. Il-massimu fit-tnaqqis jibbenefikaw minnu dawk kollha li għandhom dħul ta’ aktar minn €19,500 fis-sena. Dan japplika mhux biss għal dawk li jħallsu t-taxxa waħedhom iżda wkoll għal dawk il-miżżewġin li jħallsu t-taxxa separatament.

Fil-rigward tal-komputazzjoni għall-miżżewġin, l-iffrankar mit-taxxa li ħabbar il-Ministru Caruana se jkun bejn €345 u €645 fis-sena. Dan billi t-tax bands se jogħlew minn €12,700 għal €15,000. Ir-rata ta’ 15% se tkun applikabbli għal bjen €15,001 u €23,000. Bejn €23,001 u €60,000 ikun bil-25% filwaqt li dħul ‘il fuq minn €60,000 jibqa bil-35%.

It-tielet tax band, dik ta’ komputazzjoni ta’ ġenitur it-tnaqqis fit-taxxa se jilħaq bejn €375 u €650 fis-sena. Dan billi bl-aġġustament imħabbar fil-Budget, l-ammont li fuqu ma titħallas taxxa se jogħla minn €10,500 għal €13,000. Ir-rata ta’ 15% se tkun applikabbli għal dħul bejn €13,001 u €17,500. Dik ta’ 25% se tkun applikabbli għal bejn €17,501 u €60,000. Dawk li jaqgħilu aktar minn €60,000 se jibqgħu bil-35%.

Apparti dan it-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul il-Ministru semma wkoll l-għotja li tvarja bejn €60 u €140 fis-sena lil kull min jaħdem u ma jaqlax iżjed minn €60,000, ġenituri li qed irabbu ser jaraw żieda wkoll fl-allowance tat-tfal. Dan ifisser li bejn tnaqqis fit-taxxa u żieda fl-allowance tat-tfal se tkun tfisser mal-€1,800 aktar fi bwiet ta’ aktar minn 20,000 familji bi dħul medju li għandhom żewġ ulied.

Fakkar ukoll kif fil-Budget għall-2022 kien hemm il-wegħda li f’temp ta’ ħames snin, il-pensjoni tal-pensjonanti li jibqgħu jaħdmu mhux ser jibqa’ jiġi kkalkulat għal fini ta’ taxxa. Mis-sena d-dieħla l-ammont li se jiġi injorat għal fini ta’ taxxa se jiżdied b’20% u jitla għal 80%.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru rrefera wkoll għar-ruħ soċjali tal-ekonomija b’saħħitha ta’ pajjiżna u qal li dan huwa dovut għal mod għaqli li biħ qed jitmexxew il-finanzi pubbliċi u għalhekk jista jħabbar żidiet qawwija fil-qasm soċjali lill-pensjonanti, lill-anzjani, lill-familji bi dħul baxx, lil persuni b’diżabilita. Żidiet li l-gvern preċedenti żgur qatt ma ta bħalhom. Żidiet li juru bil-fatti r-ruħ soċjali ta’ Gvern Laburista.

Il-budget għas-sena d-dieħla se jkompli jwieżen il-pensjonanti li jibqgħu fil-qofol tal-infieq soċjali. Għalhekk, mis-sena d-dieħla l-pensjonanti se jingħataw żieda oħra ta’ €8 fil-ġimgħa (€416 fis-sena) li tinkludi ż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Minn din iż-żieda se jibbenefikaw aktar minn 100,000 pensjonat li rtiraw bl-età, tal-invalidità u romol kif ukoll oħrajn intitolati għal pensjoni tal-età.

B’din iż-żieda, magħduda flimkien ma’ żidiet annwali li rċevew il-pensjonanti fuq medda ta’ għaxar snin, se jkunu laħqu s-somma totali ta’ mill-inqas €3,583 li tfisser żieda ta’ kważi €70 fil-ġimgħa.

Minbarra dan, il-Ministru tal-Finanzi ħabbar ukoll li matul is-sena d-dieħla se jiżdied pass ieħor importanti biex jonqos id-distakk fid-dħul pensjonabbli massimu bejn persuni li twieldu qabel l-1962 u oħrajn li twieldu, li nħoloq b’riżultat tr-riforma li saret fl-2006. B’din il-miżura mistennija li jibbenefikaw madwar 26,000 pensjonant.

Il-pensjonanti se jgawdu wkoll minn eżenzjonijiet fit-taxxa billi se jkunu inklużi fl-ammonti eżentati ż-żidiet li qed jitħabbru f’dan il-budget.

Il-pensjonanti tas-servizzi mill-ġdid se jaraw l-ammont tal-pensjoni tas-servizz tagħhom li ma jiġix ikkunsidrat għall-fini tal-pensjoni tas-sigurta’ soċjali se jiżdied b’€200 u jilħaq is-somma ta’ €3,666.

Fl-aħħar snin iddaħħlu għexieren ta’ miżuri għall-pensjonanti li wasslu għal titjib sostanzjali fil-pensjoni u sabiex in-nefqa fil-pensjonijiet tiżdied b’aktar minn €400 miljun.

Ekonomija

Sport