Wednesday, June 24, 2026

‘B’xogħli, se ngħin lill-plejers tagħna jidħlu f’ħafna dettall fuq il-logħba li nixtiequ nipproponu’ – Jozef Spiteri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet ta’ etá żgħira meta bdejt insegwi il-futbol lokali u internazzjonali flimkien ma’ nannuwi. Mill-bidu ħassejt l-emozzjonijiet li din il-logħba titrażmetti u dan il-fattur ġibidni aktar lejn dan l-isport, għall-ewwel bħala plejer, u issa, għalkemm ta’ etá pjuttost żgħira, bħala kowċ.

Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala Assistant Coach u Match Analyst ta’ Naxxar Lions?

Meta gejt ikkuntattjat mid-diriġenza tal-klabb, kien ta’unur għalija. Mill-ewwel diskussjonijiet urew fiduċja fl-abbiltajiet tiegħi u ġejt mogħti responsabbiltá kbira li flimkien mal-Kowċ Pablo Doffo u l-istaff tekniku kollu nibdu skwadra kompetittiva sabiex nerġgħu ntellgħu l-klabb fejn jistħoqqlu jkun … fost l-aqwa klabbs tal-pajjiż! B’xogħli, se ngħin lill-plejers tagħna jidħlu f’ħafna dettall fuq il-logħba li nixtiequ nipproponu, kif ukoll ta’ kull ġimgħa kif nistgħu nisfruttaw il-punti deboli tal-avversarji tagħna kif ukoll kif irridu nilqgħu għal sitwazzjonijiet ta’ periklu li jistgħu jikkreaw.

Kemm qed tifittex li taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ, Pablo Doffo?

Il-Kowċ Pablo Doffo huwa bniedem ta’ integritá kbira u li nammira ħafna. Diġá kelli l-opportunitá li nikkolabora miegħu fis-sentejn li qatta’ ma’ Swieqi fejn ħdimna tajjeb ħafna flimkien u ġejna viċin ħafna ta’ promozzjoni storika. Kowċ Doffo jidħol f’ħafna dettall tattiku, u dan huwa fattur importanti għalija għax fil-loghba tal-lum, id-dettalji jagħmlu d-differenza kollha. Apparti minn hekk, Kowċ Doffo għandu kapaċitá kbira li jifhem il-plaejers u jekk ikunu għaddejjin minn mument ħażin, jgħinhom biex jerġgħu isibu saqajhom. Din hija kwalitá li ħafna kowċis m’għandhomx, u għalhekk hija xi ħaġa li napprezza.

Kif qed tħarsu lejn l-istagun li ġej u x’inhuma t-tragwardi tagħkom? Ikolli ngħid ritorn fil-Malta Premier, hux hekk?

Il-klabb għandu tir wieħed – dak li jerġa’ jkun fil-Malta Premier. Qegħdin naħdmu bis-sħiħ sabiex dan iseħħ iżda mhux se tkun faċli żgur. Iċ-Challenge League sena wara sena qed jiżdied fil-kwalitá, u din is-sena ser ikun hemm bosta klabbs li jambixxu sabiex jiksbu l-promozzjoni. Iżda dan huwa s-sabiħ ta’ dan l-isport … ser ikollna ħafna battalji matul dan l-istaġun u f’kull logħba rridu nuru dak li aħna kapaċi nagħmlu, kemm bħala staff tekniku u anke bħala plejers.

Iddeskrivi l-esperjenza issa passata tiegħek bħala Match Analyst ta’ Swieqi United, u kemm tgħallimt minnha.

Is-Swieqi huwa klabb li dejjem ser jibqa’ f’qalbi. Qattajt ħames sitt snin fil-klabb fir-rwolijiet differenti. Huwa klabb ambizzjuż ħafna u b’kumitat ferm serju. Għalkemm ir-riżorsi huma limitati, kull sena jirnexxielna nagħmlu pass ‘il quddiem.

Fl-aħħar żewġ staġuni konna viċin ħafna li nagħmlu l-qabża għall-Malta Premier infatti, u llum il-ġurnata is-Swieqi huwa forza kbira fiċ-Challenge league. Bħala Match analyst ħdimt dawn l-aħħar sentejn. Kelli opprtunitá nidħol f’ħafna dettall tattiku u inidividwali u ġimgħa wara ġimgħa dejjem tgħallimt kif nista’ ntejjeb xogħli. Il-fattur kruċjali ta’ dax-xogħol huwa li tidħol f’dettall kbir, iżda ma tippruvax tgħaddi informazzjoni żejda. Kull filmat m’għandux idum aktar minn ftit minuti għax inkella lill-plejers titlifhom.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell tal-futbol Malti żdied imma forsi aktar minħabba l-influss ta’ plejers barranin. Jien nemmen li hemm ħafna żgħażagħ Maltin li jistħoqilhom aktar spazju u fiduċja u b’hekk inkunu nistgħu naraw aktar plejers jagħmluha man-Nazzjonal u forsi wkoll jilagħbu barra minn Malta. Dan huwa fattur li żammni mas-Swieqi għal bosta snin u fattur ieħor li jogħġobni fil-klabb tan-Naxxar.

Għalkemm huwa importanti li kemm jista’ jkun naslu fejn irridu naslu, huwa ferm aktar importanti li tasal b’identitá ċara, u malli tasal hemm kemm jista’ jkun iżżomm il-maġġoranza tan-nukleu tal-iskwadra ħalli b’hekk dawn iż-żgħażagħ Maltin ikomplu jżidu fil-livell tagħhom u dan ikun pożittiv għall-futbol Malti inġenerali.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Dan huwa suġġett partikolari. Għalkemm għandna ħafna grawnds f’Malta, xorta id-domanda tibqa’ ferm kbira għar-riżorsi eżistenti. Jien nemmen li jrid ikun hemm xi tip ta’ soluzzjoni ta’ ‘training centre’ li jkun jista’ jintuża minn bosta klabbs li m’għandhomx il-grawnd tagħhom b’rata ta’ ħlas raġjonevoli. B’hekk plejers f’kull livell tal-futbol Malti jkollhom faċilitajiet diċenti fejn jitħarrġu.

Meta niġu għal-logħob kompetittiv, naħseb li s-sitwazzjoni qiegħda f’punt stabbli u bil-proġett li ġie propost dis-sena tal-Grawnd il-ġdid fil-Marsa qed nuru li qed nippruvaw nagħmlu passi ‘l quddiem.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol? 

Fil-futur nixtieq ikolli ċans immexxi tim ewlieni bħala kowċ. Bħalissa aktar qed nfifoka li nitgħallem kemm nista’ mingħand kulħadd u nkompli nagħmel il-liċenzji tal-UEFA. Pass pass ċert li nista’ nasal, l-importanti huwa li dejjem nibqa’ naħdem ma’ nies ġenwini bħall-Kowċ Doffo li jkunu jistgħu jiggwidawni tajjeb.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol

Id-dinja tal-futbol illum kompliet tinfetaħ ħafna aktar u min vera jixtieq jagħmel karriera f’dan l-isport illum għandu ċans tajjeb li jagħmilha. Mhux biss bħala plejer, iżda anka fir-rwolijiet tekniċi, kemm f’Malta kif ukoll barra min Malta, hemm domanda kbira għal nies kwalifikati. Il-fattur importanti biex ikollok ċans tajjeb li tirnexxi huwa li jkollok viżjoni twila ta’ fejn tixtieq tasal u tkun lest tagħmel sagrifiċċju speċjalment fil-bidu. Dawn huma l-ingredjenti prinċipali biex ikollok aktar ċans tagħmel suċċess.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport