Wednesday, June 24, 2026

Marcelo Dias … filwaqt li qed isellem il-karriera tiegħu bħala plejer, jidher ċar li l-istorja tiegħu fil-futbol għadha ’l bogħod milli tintemm

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Wara aktar minn 20 sena fil-futbol professjonali, Marcelo Dias iddeċieda li jagħlaq kapitlu mill-aktar importanti f’ħajtu. Id-difensur Brażiljan, li għamel ismu fil-futbol Malti u kiseb ukoll iċ-ċittadinanza Maltija, qed jirtira bħala plejer, iżda fl-istess ħin qed jibda vjaġġ ġdid bħala kowċ, hekk kif inħatar Head Youth Coach ta’ Luxol St Andrews FC.

Imwieled fid-29 ta’ Settembru 1985 fil-belt żgħira ta’ Leópolis fil-Brażil, Marcelo qatt ma kellu triq faċli. Minn età żgħira tgħallem li l-ħajja titlob sagrifiċċju u determinazzjoni.

Dawn l-esperjenzi ffurmaw il-karattru tiegħu u tawh il-ħila li jaffaċċja kull sfida li l-futbol tefagħlu quddiemu. Illum, meta jħares lura lejn il-karriera tiegħu, iħossu kburi b’dak kollu li kiseb.

“Ġej minn belt żgħira f’pajjiż enormi, fejn ħafna kienu jaħsbu li l-opportunitajiet kienu ftit wisq. Illum nista’ ngħid li rnexxieli.”

Matul il-karriera tiegħu, Marcelo lagħab ma’ diversi timijiet fil-futbol Malti u ħalla marka kull fejn mar. Għex mumenti sbieħ u oħrajn diffiċli, iżda hemm logħbiet partikolari li se jibqgħu mnaqqxa f’moħħu.

“Meta ġejt Malta u lgħabt kontra Valletta waqt li kont ma’ Hibernians, irbaħna 2-0. Kienet logħba li għadha f’moħħi sal-lum. Kienet rebħa speċjali ħafna.”

Mument ieħor li jiftakar b’għożża kien il-konfront kontra Maccabi Tel Aviv.

“Kienu logħbiet mill-isbaħ. Dakinhar fhimt aktar kemm il-futbol Ewropew huwa kompetittiv u kemm trid tkun preparat għal kull sfida.”

Iżda forsi wieħed mill-aktar mumenti memorabbli seħħ meta kien ma’ Gżira United fil-UEFA Europa Conference League.

“Konna wasalna għall-għoti tal-penalties. Kont wieħed mill-aktar plejers b’esperjenza u niftakar li Brooklyn Borg kien ħa l-penalty qabel tiegħi. Onestament kont qed nibża’ ħafna f’dak il-mument, iżda mbagħad skorjajt u rnexxielna ngħaddu għar-rawnd li jmiss. Dawk huma emozzjonijiet li qatt ma tinsa.”

Meta jitkellem dwar id-deċiżjoni li jirtira, Marcelo jammetti li ma kinitx waħda faċli.

“Għadni nħossni tajjeb fiżikament u għadni nħobb nilgħab. Iżda kull atleta jasal f’mument meta jrid jibda jaħseb fil-futur. Kienet deċiżjoni diffiċli ħafna, iżda nemmen li wasal iż-żmien li nibda kapitlu ġdid.”

Fil-fatt, l-imħabba tiegħu lejn il-futbol qatt ma kienet marbuta biss mal-logħob innifsu.

Tul l-aħħar snin kien diġà beda jħares lejn il-kowċing.

“Dejjem kelli f’moħħi li nkompli nistudja u nikseb il-liċenzji meħtieġa biex insir kowċ. Nixtieq ngħaddi lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda dak kollu li tgħallimt tul il-karriera tiegħi.”

Luxol St Andrews FC ra dan il-potenzjal fih. Minn meta ngħaqad mal-klabb f’Jannar tal-2025, Marcelo ma kienx biss plejer b’esperjenza, iżda wkoll figura ta’ gwida għall-plejers żgħażagħ.

Fil-grawnd kien jispikka bil-kalma, il-personalità tiegħu u l-mentalità rebbieħa li kiseb matul aktar minn għoxrin sena fil-futbol professjonali. Barra mill-grawnd, kien dejjem lest jagħti parir, jinkoraġġixxi u jgħin lil dawk li kienu qed jippruvaw jagħmlu l-pass lejn it-tim tal-kbar.

Il-klabb iddeskriva r-relazzjoni tiegħu mal-plejers żgħażagħ bħala waħda straordinarja, tant li l-ħatra tiegħu bħala Head Youth Coach dehret pass naturali.

“Nixtieq ngħin lill-plejers żgħażagħ mhux biss teknikament, iżda anke mentalment. Irrid li jitgħallmu jħobbu l-logħba u li jifhmu li xejn ma jiġi mingħajr sagrifiċċju.”

Marcelo jemmen li l-futbol modern inbidel ħafna.

“Il-logħba llum saret ħafna aktar tattika. Forsi tlifna ftit mill-maġija tal-plejer li jaqbeż lill-avversarju f’sitwazzjoni ta’ wieħed kontra wieħed. Iżda l-futbol dejjem jevolvi u rridu nimxu miegħu.”

Minkejja dan, huwa jħoss li l-ħolm għadu għandu post importanti fil-futbol.

“Irridu nibqgħu nħeġġu lit-tfal joħolmu. Irridu nagħtuhom l-opportunità li jemmnu fihom infushom u fil-kapaċitajiet tagħhom. Il-partitarji jiġu jaraw il-logħob biex jaraw emozzjonijiet u biex jemmnu fil-ħolm tal-plejers.”

Meta jagħmel bilanċ tal-karriera tiegħu, Marcelo ma jinsiex jirringrazzja lil dawk kollha li kienu miegħu tul dan il-vjaġġ.

“Irrid nirringrazzja lill-plejers, lill-kowċis, lill-presidenti u lill-istaff kollu li magħhom qsamna mumenti sbieħ u oħrajn diffiċli. Kollha kellhom sehem fil-vjaġġ tiegħi.”

Iżda ringrazzjament speċjali jmur lejn il-persuna li kienet l-akbar sapport tiegħu tul dawn l-aħħar 12-il sena jiġifieri l-mara tiegħu.

“Hija kienet l-aġent tiegħi, in-nutrizzjonista tiegħi, il-kowċ tiegħi u l-akbar sostenitriċi tiegħi. Kienet hemm kemm fil-mumenti sbieħ kif ukoll f’dawk diffiċli. Inħobbok, Mandy.”

Illum, hekk kif jagħlaq il-kapitlu tiegħu bħala plejer, Marcelo Dias ma jħossx li qed jitlaq mill-futbol. Għall-kuntrarju, jemmen li issa għandu missjoni ġdida.

“Il-futbol tani kollox fil-ħajja. Għallimni nirrispetta lill-oħrajn, naħdem iebes, nagħmel sagrifiċċji, negħleb l-ostakli u qatt ma naqta’ qalbi. Issa wasal iż-żmien li nieħu dak kollu li tani l-futbol u nużah biex ngħin lill-oħrajn jilħqu l-ħolm tagħhom.”

U filwaqt li Marcelo Dias qed isellem il-karriera tiegħu bħala plejer, jidher ċar li l-istorja tiegħu fil-futbol għadha ’l bogħod milli tintemm. Fil-fatt, kapitlu ġdid issa qed jibda, wieħed li fih se jipprova jispira lill-ġenerazzjoni li jmiss biex tilħaq l-istess ħolm li darba kellu hu stess.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport