Wednesday, October 9, 2024

BŻONN LI NPOĠĠU L-ĦARSIEN TAL-ANNIMALI FUQ NETT TAL-AĠENDA

Alicia Bugeja Said
Alicia Bugeja Said
Kandidata Laburista

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew għamilt diskors fil-Parlament li matulu trattajt it-tema tad-drittijiet tal-annimali. Huwa imperattiv illi s-settur tal-ħarsien tal-annimali, kif nagħmlu fuq temi oħrajn bħall-ekonomija, is-saħħa, u l-impjiegi, ukoll jingħata l-importanza illi jistħoqqlu. 

Minn snin ilu ‘l hawn, dan is-settur ingħata spinta kbira ‘l quddiem. Biżżejed? Żgur mhux forsi, illi le. Għad fadal x’nagħmlu? Ovvjament. Iżda tajjeb li l-ewwel nett, qabel naraw fejn irridu mmorru, naraw minn fejn tlaqna u x-xogħol kbir li sar, u li qiegħed isir f’dan is-settur. 

Bħal f’kollox minn ewl id-dinja, dan is-settur ma jistax jimxi ‘l quddiem jekk ma jkollokx strateġija robusta. Ilna nisimgħu u nitkellmu dwar l-istrateġija nazzjonali għad-drittijiet tal-annimali, u tajjeb li ngħidu li din l-istrateġija issa riesqa lejn fażi importanti, hekk kif fil-bidu ta’ Lulju se tkun qed tagħlaq il-konsultazzjoni pubblika. Importanti ħafna, u nħeġġeġ lill-pubbliku ġenerali, sabiex jipparteċipa bis-sħiħ f’dan il-proċess. Iktar ma jkollna parteċipazzjoni attiva f’din il-konsultazzjoni pubblika iktar ikollna bażi soda fuqiex nibnu din l-istrateġija. Dan kollu se jwassal biex finalment ikollna strateġija li tkopri l-ħarsien u drittijiet tal-annimali għat-tmien snin li ġejjin, minn din is-sena, sas-sena 2030.

Din l-istrateġija iżda ma tistax tibqa’ sempliċiment strateġija, iżda trid issir leġiżlazzjoni. Kif għamilna fil-passat riċenti, se nkomplu nemendaw u nirranġaw il-liġijiet sabiex ikunu aktar sodi fejn hemm bżonn. 

Hawn se nsemmi xi bidliet illi għamilna fil-passat riċenti, u li biddilna l-liġijiet kif kien hemm bżonn sabiex nibqgħu ntejjbu dan is-settur. Infakkar kif f’Lulju tal-2021 għamilna emenda illi permezz tagħha, dawk li jinstabu ħatja xi darba f’ħajjithom bi krudeltà tal-annimali, ma jistgħux iktar issa jkollhom l-annimali jew jgħixu mal-annimali. Bidla kuraġġuża illi permezz tagħha qtajna l-aċċess tal-annimali lil dawn il-persuni li nstabu ħatja fil-Qrati Maltin. 

Fl-aħħar tal-istess sena għamilna bidla oħra. Bidla li mhux bilfors kellna nagħmlu, u li kien hawn min forsi ħadha biċ-ċajt, iżda nemmen li wkoll kienet bidla importanti, għax turi illi bħala Gvern ma nħallu XEJN jgħaddi. Hawn qed nirreferi għall-emenda li ġabet illegali l-bestjalità. 

Lil hinn minn dan, it-tema taz-zoos f’pajjiżna hija waħda li ilha ferm tiġi diskussa. Nazzarda ngħid, iżżejjed. Wasal il-mument li din il-kwistjoni tiġi ndirizzata. U għalhekk, b’bilanċ assolut, u b’kuraġġ, irridu illi nemendaw l-aħħar liġijiet li saru lura fl-2003. Nemmen bis-sħiħ li iva, wasal iż-żmien li dawn jiġu aġġornati.  Infakkar kif fl-2020 saret proposta bi kriterji ġodda ta’ kif għandhom jinżammu annimali eżotiċi f’zoos f’Malta, u din ġiet ippubblikata għall-konsultazzjoni pubblika. U hawn tintunda kemm dan huwa settur li jinteressa lin-nies, hekk kif irċevejna iktar minn 1,400 sottomissjoni differenti, ilkoll jgħidu tagħhom dwar dak li proponejna aħna. Dawn is-sottomissjonijiet se jkunu qed jiddawwru fi proposta li se tittella’ quddiem il-Kabinett fiż-żmien li ġej.

Kemm ilni f’dan is-settur qed nisma’ ħafna dwar breeders tal-klieb, pet-sitters, u groomers. Dawn huma xogħolijiet li dejjem qed jiżdiedu fil-popolarità. U allura, irridu nibqgħu mexjin mal-ħtieġa tas-soċjetà, u naġġornaw ruħna, sabiex ma nirriskjawx li naqgħu lura. Dawn se nkunu qed naraw li jiġu regolati wkoll. 

Nisimgħu ħafna fuq ix-xogħol tal-Animal Welfare Directorate. Tajjeb li nirrikonoxxu wkoll ix-xogħol kbir li dawn jagħmlu. Fl-aħħar sentejn u nofs, iġifieri matul l-2020, l-2021, u sa’ Mejju ta’ din is-sena, dawn ġabru iktar minn 6,200 kelb u qattus li kienu barra. Bħala spezzjonijiet irrid insemmi li fl-2020 u fl-2021, id-Direttorat irċieva madwar 1,900 rapport bit-telefown dwar trattament ħażin ta’ annimali domestiċi. Saru iktar minn 1,400 spezzjoni, u 700 follow-up inspection. Kien hemm sittax-il każ, tmienja kull sena, li saħansitra spiċċaw fi proċeduri l-Qorti. 

Dawn in-numri qed ngħidhom sabiex nesebixxi parti żgħira ħafna mix-xogħol li jsir fid-direttorat tal-annimali. Il-ħafna xogħol li jsir mid-Dipartiment għal-Ħarsien tal-Annimali nemmen li ma jingħatax biżżejjed pubbliċita posittiva u ħafna drabi nisimgħu biss in-nuqqasijiet u aħbarijiet negattivi. Meta fil-fatt qed isir ħafna xogħol posittiv. Dan ix-xogħol se nara li jiżdied ankè fid-dawl ta’ iktar investiment f’dan id-Direttorat.

Is-settur tal-irziezet huwa settur importanti ħafna ankè fl-isfera tal-ħarsien tal-annimali. Hawnhekk ukoll nistgħu nikkonfermaw li saru avvanzi kbar fl-irziezet reġistrati mad-Direttorat Veterinarju, fejn ir-raħħala Maltin u Għawdxin investew bis-sħiħ fl-istrutturi tal-irziezet tagħhom sabiex tejjbu l-livell għal standards li huma konformi mal-liġijiet Ewropej. Dan il-livell ta’ standard għoli fl-irziezet lokali, li jiġi dejjem ikkonfermat minn spezzjonijiet regolari tal-uffiċjali veterinarji, jirrifletti wkoll fil-produzzjoni tal-ikel tagħna, fejn lokalment ikollna ikel lokali ta’ kwalita superjuri.

Biex nikkonkludi, nerġa’ ntenni l-impenn tiegħi illi dan is-settur tant importanti, nibqgħu mmexxuh ‘il quddiem b’maturità u b’ħeġġa, sabiex finalment, il-ħarsien u d-drittijiet tal-annimali wkoll jingħataw l-attenzjoni sħiħa li jixirqilhom.

Sport