Saturday, April 27, 2024

“Kommessi li sal-laqgħa ta’ konċiljazzjoni ma jiżdidux id-direttivi għall-ħaddiema tal-LESA”

Theo Vella, Segretarju Taqsima Korpi Dixxiplinati fil-GWU

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-kwistjoni li nħolqot bejn it-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-General Workers Union (GWU) u l-LESA dwar il-ftehim kollettiv, liema kwistjoni wasslet biex inħarġu direttivi, issa se tkun diskussa f’laqgħa ta’ konċiljazzjoni mad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali (DIER). Din il-laqgħa se tkun nhar il-Ħamis 30 ta’ Ġunju. Is-Segretarju tat-Taqsima, Theo Vella iddikjara ma’ talk.mt li aħna bħala taqsima kommessi li sal-laqgħa ta’ konċiljazzjoni ma nżidux id-direttivi. 

Theo Vella spjega li “din il-kwistjoni hi dwar il-ftehim kollettiv li ilu li skada minn Diċembru tas-sena 2020. Il-kwistjoni hi prinċipalment dwar il-massimu tal-paga li għandhom jilħqu l-Community Officers, li ħafna nies jafuhom bħala gwardjani. Aħna qed ngħidu bħala taqsima li l-massimu għandu jkun qrib ħafna ta’ sezzjonijiet oħra ta’ infurzar. Qed nitkellmu fuq ftit aktar minn 150 ħaddiem. Il-LESA ġew bi proposti li għalina ma kienux aċċettabbli. Bħala taqsima qegħdin nenfasizzaw li l-massimu tal-paga għal dawn il-ħaddiema ikunu ekwivalenti għall-massimu ta’ skala 12 fis-servizz pubbliku.

Saħaq li “kien bagħat għalina l-Ministru Byron Camilleri u rrid ngħid li mhux minnu dan tefgħana l-barra kif irrapportaw xi mezzi tal-midja. Morna hemm u aħna spjegajna l-pożizzjoni tagħna, il-LESA spjegaw tagħhom u ma kienx hemm qbil. Li ġara kien li wara l-laqgħa, il-LESA infurmawni li peress li kont ħriġt id-direttiva li jaħdmu taħt protesta bla uniformi imma bit-tag, huma ma kienux se jidħlu responsabbli għal xi inċidenti li jinqalgħu lill-istess ħaddiema. Kien minħabba dan li bħala taqsima irreaġixxejna. Din aħna qisniha bħala provokazzjoni. Għalhekk ħriġna żewġ direttivi oħra, dik li meta jmorru fuq biċċa xogħo ikunu żewġ persuni u li ma jinħarġux ċitazzjonijiet għalkemm xorta jedukaw lin-nies”.

Theo Vella saħaq li “dan mhux strajk. Din hi azzjoni ta’ protesta u d-direttivi li ħriġna saru fil-kuntest tal-azzjoni li ħadet il-LESA meta qalet li mhux se tkun responsabbli għal inċidenti.”

Iddikjara li “smajna li sar ċertu diskors bħal ‘aħna xorta qed norqdu bil-lejl’ u  ‘zommu f’mohhkom li ghal kull azzjoni għandha reazzjoni’. Dan hu diskors u vokabolarju li ma jagħmilx ġid. Nittamaw li wara l-laqgħa ta’ nhar il-Ħamis dan id-diskors ma nisimgħux aktar.

Id-direttivi li l-GWU ordnat lill-membri fi ħdanha ġewwa l-aġenzija LESA s’issa huma biss tlieta, jiġifieri li l-ħaddiema jaqdu d-dover tagħhom skont il-liġi taħt protesta u jirrapportaw għax-xogħol pajżana (mingħajr uniformi). L-unika mezz ta’ identifikazzjoni li għandu jkollhom fuqhom hija t-tag tal-liċenzja. Ebda ħaddiem li jaqdi d-doveri tiegħu fit-toroq m’għandu jkun waħdu (minimament ikunu tnejn). Ebda ħaddiem li jaqdi d-doveri tiegħu fit-toroq m’għandu joħroġ miegħu it-ticket device (ma jinħarġux ċitazzjonijiet). Huwa imperattiv li nkomplu naqdu d-doveri tagħna billi niġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku b’mod edukat fejn ikun hemm ksur tal-liġi.

L-unjin hija konxja li xi individwi fl-amministrazzjoni qed jagħmlu minn kollox biex jitfgħu dubju dwar l-intenzjoni tal-unjin u qed joħolqu qlajjiet biex il-ħaddiema jinfirdu. L-unika intenzjoni tal-unjin hija li nagħtu ħlas xieraq għax-xogħol li jwettqu dawn il-ħaddiema bħalma għandhom ħaddiema oħra bi dmirijiet simili.”

Sport