Tuesday, March 26, 2024

BŻONN TA’ SENAT?

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Malta hu wieħed mill-ftit pajjiżi fejn il-Parlament jikkonsisti minn kamra waħda. M’għandux senat jew dak li jista’ jservi bħala wieħed.

Mhux dejjem hekk kien. Fi żminijiet meta l-kompetenzi tal-Parlament kienu ħafna aktar limitati, għax Malta kienet għadha kolonja, kien hemm it-tieni kamra, bħala senat. L-esperjenza ma kinitx tajba u malajr twarrbet.

Dejjem emmint li minħabba ċ-ċokon tagħna, kien jagħmel sens li ma ntaqqlux il-makkinarju tal-gvern b’wisq istituzzjonijiet li jispiċċaw jagħqdu fil-vojt. Min-naħa l-oħra, il-Parlament Malti matul is-snin baqa’ jikber fin-numru u llum għandu numru tassew kbir ta’ deputati. Mhijiex ħaġa ċara li l-kwalità tad-dibattiti tjiebet jew li żdiedet il-kontabilità demokratika minħabba f’hekk.

Forsi riesaq iż-żmien fejn wieħed jirrevedi d-domma li b’kamra parlamentari waħda, id-demokrazija f’pajjiżna tista’ tkun l-aktar effettiva. Bil-fondi li qed jintefqu fuq kamra waħda, jistgħu jiġu ffinanzjati tnejn.

VENI, VIDI, VICI

Il-President tal-Parlament Ewropew Metsola ġiet rapportata li qalet meta kienet f’Malta, xi ħaġa tat-tip: Ġejt… u se nibqa’. Tfakkrek fl-istqarrija ta’ Ġulju Ċesri, Veni vidi, vici. Bil-qalb kollha, wieħed jagħtiha merħba lill-President jekk se “tibqa’”. Biss iqum dubju dwar x’jista’ se jkun li jżommha fostna. Ċesri saħaq li b’li ra, rebaħ. Il-President rat ir-realtà Maltija biss mil-lenti tal-partit tagħha. Ma setgħetx tagħmel mod ieħor la se tkun qed tikkontesta l-elezzjoni Ewropea li jmiss, kulħadd jippresumi, mal-PN. Trid titla’. U bil-kif.

Jidher ukoll li biħsiebha tkompli bir-repetizzjoni tal-mantra ossessiva, pjuttost infantili tagħha dwar il-“valuri Ewropej”. Bħalissa, dwar hekk, ma tantx qed ikunu impressjonati biha ħafna mid-deputati Ewropej tal-lum.

KONSUMATURI

Il-ħtieġa ta’ ħarsien tal-konsumatur tissemma aktar minn “qabel” u hu minnu wkoll li jeżistu aktar miżuri li jiżguraw dil-ħaġa. Il-mistoqsija li tqum hi jekk dawn il-miżuri jitħaddmux kemm u kif suppost.

Għax fuq diversi fronti, il-konsumatur Malti għadu qed jiġi mogħti anqas milli jkun ħallas għalih; waqt li meta xi ħaġa f’li xtara tkun marret żmerċ, mhux rari li jibqa’ bla rimedju. Fil-bejgħ u x-xiri ta’ xogħol tal-bini, ta’ xorb f’bars u ristoranti, ta’ ħwejjeġ u oġġetti sportivi u elettroniċi; fil-kiri u x-xiri tal-karozzi, eċċ. eċċ. l-ilmenti dwar prezz għoli żżejjed, kwalità ħażina jew kwalità ħafna anqas tajba milli jmessha tkun ma jonqsux. U jibqgħu ilmenti.

Jintqal li l-liġijiet qiegħdin hemm u kull ma jrid jagħmel il-konsumatur hu li japplikahom. Il-problema hi li l-konsumatur ta’ spiss wisq isib ruħu waħdu. Ikollu jikkonkludi li jekk jidħol għad-difiża tad-drittijiet tiegħu, iz-zalza se tiġih ogħla mill-ħut.

Ekonomija

Sport