Tuesday, March 26, 2024

Camilleri saħansitra beda jkellem ħażin lill-infermieri li dewwewh

Ikomplu x-xhieda fil-kawża kontra Jeremie Camilleri

Aqra wkoll

Komplew jinstemgħu aktar xhieda fil-kawża kontra Jeremie Camilleri, li jinsab mixli bil-qtil ta’ Pelin Kaya wara li allegatament saq għal fuqha u tajjarha. Il-każ seħħ nhar it-18 ta’ Jannar li għadda fil-Gżira.

10:30 a.m: Jibda jixhed Kuntistabbli…

Beda biex jagħti x-xhieda tiegħu l-Kuntistabbli Jean Paul Pizzuto stazzjonat fit-Taqsima tal-Forensika, qal li fid-19 ta’ Jannar li għadda kien inkarigat mill-Ispettur Kurt Zahra biex jiġbor filmati tas-CCTV minn żewġ postijiet f’Ħal Lija, fil-ħin ta’ bejn is-00.45 a.m. u s-1.00 a.m.

10:35 a.m: Jixhed Surġent…

Min-naħa tiegħu s-Surġent Andrea Zahra qal li fit-18 ta’ Jannar 2023 kien xogħol ta’ billejl u ġew infurmati li kien hemm inċident fi Triq Testaferrata. Kien infurmat ukoll li kien hemm xi argument u li kien hemm persuna li beda jwaddab xi ġebel. Xehed ukoll li mal-wasla tiegħu fuq il-post kien hemm kollegi oħra u lemaħ BMW li baqgħet dieħla fl-istabbiliment tal-KFC.

Qal ukoll li s-sewwieq kien ġie mdewwi, kif ukoll immanetjat minħabba li kien perikoluż u li seta’ kien ukoll taħt l-effett ta’ xi sustanzi. Żied jixhed li l-imputat dejjem kien aggressiv fil-konfront tal-Pulizija, ried ineħħi l-manetti u jistieden l-istess uffiċjali għall-ġlied. Kien saħansitra hedded xi pulizija li se jpattihielhom.

Minbarra l-karozza fuq il-post, kien hemm ħafna ġebel mal-art u kont infurmat li kien hemm persuna femminili mixħuta mal-art li sa dak il-ħin kienet fil-periklu tal-mewt u li 99 fil-mija ma kinitx se twassal sal-isptar.

Qal ukoll kif imbagħad skorta l-ambulanza minn fuq il-post lejn id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei. 

L-imputat ukoll ittieħed Mater Dei għal aktar osservazzjoni. Dan min-naħa tiegħu baqa’ jkun aggressiv fil-konfront tal-pulizija u anke tal-infermieri, saħansitra beda jkellimhom ħażin.

11:00 a.m: Jixhed Kuntistabbli stazzjonat fis-CID

Xehed ukoll il-Kuntsitabbli Daniel Schembri stazzjonat fis-CID u qal li ġie infurmat li kien hemm inċident fatali fil-Gżira. Sa dak il-ħin ma kienx għadu determinat jekk kienx inċident stradali jew omiċidju.
Għall-ħabta tat-3.15 a.m. kien fuq il-post u kien infurmat li kemm il-vittma kif ukoll l-akkużat kienu ttieħdu Mater Dei.
Fuq il-post innota li kien hemm BMW iswed maħbuta fil-KFC u waħda mill-pompi ta’ Paul and Rocco mkissra u kien hemm ħafna tifrik mal-art.
Fit-3.30 a.m. mar Mater Dei fejn iltaqa’ ma’ xi kollegi tal-Rapid Intervention Unit. Ipprova jkellem lill-akkużat, iżda qallu “jiena lilek ma nkellmekx”.
Iltaqa’ mal-għarus tal-vitma fl-Emerġenza, fejn infurmawh li sfortunatament it-tfajla tiegħu ma kienx irnexxielha ssalva.
Wara li beda jitkellem miegħu qallu li kien Tork, ġie b’titjira minn Istanbul u li l-pjan kien li jiltaqa’ mat-tfajla minħabba li kienet tagħlaq żmienha.
kien jaf li kienet għand xi ħbieb tagħha jiċċelebraw għeluq żmienha u li kienu se jiltaqgħu xi mkien nofs triq. Qal ukoll li Pelin kien ilha Malta madwar sentejn.
L-għarus tagħhha offra li jċempel lil ħabibtha, u ġiet infurmata li kellhom bżonn xi informazzjoni. Din min-naħa tagħha qalet li Pelin kienet qattgħet il-lejla kollha magħha iżda għall-ħabta tas-1.00 a.m waslitha lura. Qaltilhom ukoll li qabel telqu qaltilha li kellha tiltaqa’ mal-għarus tagħha. Wara din id-diskursata hija marret ukoll l-isptar.
“CCTV ta’ Paul and Rocco wriet il-karozza BMW tidħol fil-KFC u rajna xi ħaġa tir fl-ajru, … wara rriżultalna li kienet il-vittma”, xehed Schembri.

11:15 a.m: Jixhed uffiċjal ta’ TM

Rappreżentant ta’ Transport Malta xehed dwar il-karozza involuta fl-inċident, li kienet reġistrata f’isem ommu.

11:20 a.m: Preżentata ċitazzjoni…

Rappreżentant tal-Aġenzija LESA ppreżentat ċitazzjoni li nħarġet fit-18 ta’ Jannar mill-camera ta’ Birkirkara direzzjoni lejn l-Imsida minħabba sewqan eċċessiv.

Il-każ ikompli fit-3 ta’ April.

Ekonomija

Sport