Monday, May 18, 2026

DAK LI JGĦODD HUWA T-30 TA’ MEJJU

Aqra wkoll

Kull jum li jgħaddi qed iqarribna lejn il-jum deċiżiv li fih il-poplu se jiddeċiedi d-destin tiegħu. Fin-nofs mhemmx biss il-futur tal-ġenerazzjoni preżenti, imma ta’ bosta ġenerazzjonijiet li jridu jiġu warajna. 

Nirrikonoxxu l-fatt li fil-jiem li għaddew ġew ippubblikati sondaġġi, liema sondaġġi juru li l-Partit Laburista jinsab fuq quddiem. Minkejja dan aħna naqblu ma’ dak li ddikjara l-Prim Ministru Robert Abela, li din hija tellieqa li tibda xejn b’xejn.

Naqblu li dawn is-sondaġġi politiċi jkunu qegħdin jagħtu indikazzjoni ta’ kif qed jaħsibha l-poplu dwar il-partiti politiċi, il-mexxejja u l-kwistjonijiet li jolqtu lill-pajjiż. Dawn ikunu qegħdin jgħinu biex jinftiehmu aħjar ix-xewqat, il-prijoritajiet u t-tħassib tan-nies.

Kull wieħed u waħda minnha jrid jiftakar li survey huwa biss stampa ta’ dak il-mument u mhux ir-riżultat finali. Dan għaliex l-opinjonijiet tan-nies jistgħu jinbidlu, speċjalment hekk kif tkun qiegħda toqrob il-ġurnata tal-votazzjoni.

Għalhekk, minkejja s-surveys, l-iktar ħaġa importanti hi li n-nies joħorġu jivvutaw u jagħtu l-vuċi tagħhom. Il-ħidma ma tridx tieqaf iżda tkompli kull ġurnata li tgħaddi.

Il-vot fit-30 ta’ Mejju għandu importanza kbira għax huwa l-mument fejn kull ċittadin jista’ jagħmel differenza. 

Kull vot jgħodd u kull persuna għandha opportunità tagħżel lil min taħseb li għandu jmexxi l-aħjar l-interessi tagħha u tal-pajjiż. Nemmnu wkoll li meta persuna tiddeċiedi li ma tivvutax, tkun qed titlef iċ-ċans li tagħti sehemha fid-deċiżjonijiet li jolqtu l-futur tagħha, tal-familja tagħha u tas-soċjetà. 

Pajjiż demokratiku jissaħħaħ meta n-nies ikunu involuti u jieħdu sehem fil-proċess elettorali. Aktar ma jkun hemm nies jivvutaw, aktar ir-riżultat ikun jirrifletti r-rieda vera tal-poplu. Dan jagħti aktar saħħa lir-riżultat finali u lill-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż.

Quddiem dan kollu, nemmnu li fit-30 ta’ Mejju, il-poplu għandu jerġa’ jagħti prova tal-impenn tiegħu lejn id-demokrazija billi joħroġ jivvota. Dan għaliex ma għandhomx ikunu s-surveys li jiddeċiedu r-riżultat, iżda l-vot tan-nies.

L-akbar survey huwa dak li jsir fil-kaxxa tal-vot, fejn kull ċittadin ikollu vuċi u għalhekk kull vot jista’ jagħmel differenza importanti għall-futur ta’ pajjiżna. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport