L-aħbar li l-kumpanija tal-Intelliġenza Artifiċjali OpenAI ffirmat ftehim mal-Gvern Malti biex jingħata aċċess lir-residenti kollha ta’ pajjiżna għas-servizz ta’ ChatGPT għal sena wara li jkunu segwew kors dwar kif jużaw l-AI, ingħatat prominenza fil-midja internazzjonali.
Fil-fatt, ir-Reuters irrapportat li Malta hi l-ewwel pajjiż li se tkun qiegħda tniedi tali programm, li huwa miftuħ ukoll għall-Maltin li jgħixu barra. Intqal li l-kors li qed jiġi offrut se jkun ukoll bla ħlas.
Is-sit Euronews għamel referenza wkoll għal dan il-ftehim fejn intqal li inizjattivi bħal dawn jgħinu liċ-ċittadini sabiex jibnu kunfidenza akbar dwar l-użu tal-AI u kif dan jista’ jkun ta’ għajnuna għalihom fil-ħajja ta’ kuljum.
Dan il-kors, li jieħu madwar sagħtejn biex jitlesta u huwa żviluppat mill-MDIA flimkien mal-Università ta’ Malta, jista’ jiġi segwit bil-pass tal-parteċipant stess minn kullimkien u fil-ħin li wieħed jixtieq. Huwa mfassal għal nies ta’ kull età u minn kull sfond, mingħajr il-bżonn ta’ għarfien tekniku jew esperjenza preċedenti.
Il-kors jintroduċi l-kunċetti fundamentali ta’ kif jaħdem l-AI b’mod sempliċi u jiffoka fuq l-użu prattiku tal-Intelliġenza Artifiċjali għaż-żieda fil-produttività, it-tagħlim u l-kreattività fil-ħajja ta’ kuljum.
Wara t-taħriġ bażiku, il-parteċipanti jistgħu jagħżlu li jkomplu kors aktar speċjalizzat mfassal għall-istil ta’ ħajjithom jew il-karriera tagħhom, sabiex fi tmiem il-kors jingħataw ċertifikat uffiċjali.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, enfasizza li dan il-kors jirrifletti l-ambizzjoni usa’ ta’ Malta li tibni soċjetà aktar kunfidenti fid-dinja diġitali, b’ħiliet b’saħħithom u lesta għall-futur. “Permezz ta’ dan il-kors, qed naċċertaw li kull ċittadin, ikollu ċ-ċans jibni l-kunfidenza u l-ħiliet meħtieġa biex jirnexxi f’dinja diġitali. Billi ngħaqqdu dan it-tagħlim ma’ aċċess b’xejn għal għodod diġitali avvanzati bħal ChatGPT Plus u Microsoft 365 Personal Copilot, qed nibdlu kunċett li forsi mhuwiex daqshekk familjari f’għajnuna prattika ta’ kuljum għall-familji, għall-istudenti u għall-ħaddiema tagħna. Il-fatt li aħna minn tal-ewwel fid-dinja li qed nieħdu dan il-pass, ifisser li qed niżguraw li n-nies tagħna jibqgħu fuq quddiem nett biex jiksbu l-ewwel u l-aqwa opportunitajiet,” stqarr il-Ministru Schembri.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg spjega li ftit wara li din l-inizjattiva tħabbret f’Ottubru li għadda bħala parti mill-Budget 2026, hu kellu laqgħat f’Silicon Valley, fl-Istati Uniti, fejn id-diplomatiċi Maltin iffaċilitaw il-kuntatti bejn OpenAI u l-MDIA.
Dr Borg tenna li b’din l-inizjattiva “qed inwasslu messaġġ ċar li f’pajjiżna, ma rridu lil ħadd jaqa’ lura – irridu li kulħadd jibbenefika mill-potenzjal tat-teknoloġija għal ħajja aħjar.”
Aktar informazzjoni dwar il-kors tinsab fuq is-sit ai4all.gov.mt.

