Il-manifest elettorali tal-Partit Laburista jippreżenta viżjoni li ddur maċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-bniedem – viżjoni li tibda saħansitra qabel il-konċepiment tat-tarbija u tibqa’ takkumpanja lill-persuna sal-aħħar mumenti ta’ ħajjitha. Dan il-manifest jindirizza diversi aspetti soċjali, ekonomiċi u familjari li jolqtu lill-individwu f’kull stadju tal-ħajja tiegħu. Għalkemm il-proposti kollha għandhom il-valur u l-importanza tagħhom, hemm proposta partikolari li laqtitni ħafna: dik li tirrigwarda l-aġġornament tal-liġi tax-xogħol biex jiġu protetti d-drittijiet ta’ dawk il-ħaddiema li jagħmlu użu minn remote working u arranġamenti moderni oħra ta’ xogħol.
Din hija proposta li tirrifletti r-realtà tal-lum. Id-dinja tax-xogħol inbidlet, u magħha nbidlu wkoll il-bżonnijiet tal-familji u tal-ħaddiema. Għal ħafna ġenituri, speċjalment għall-ommijiet li sa llum għadhom iġorru l-akbar piż tal-kura tat-tfal u tax-xogħol domestiku, ix-xogħol flessibbli jista’ jagħmel differenza enormi. Meta l-Gvern jipproponi li l-ħaddiema ma jiġux diskriminati jew imċaħħda minn taħriġ u promozzjonijiet minħabba remote working jew arranġamenti oħra flessibbli, ikun qiegħed jagħti sinjal ċar favur ugwaljanza reali fuq il-post tax-xogħol.
Din il-miżura tista’ tagħti opportunità lill-ġenituri biex ikomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom mingħajr ma jkollhom jagħżlu bejn ix-xogħol u l-familja. Għal ħafna nisa, il-maternità ħafna drabi ġġib magħha tnaqqis fid-dħul, dipendenza finanzjarja akbar u impatt negattiv fuq il-pensjoni minħabba nuqqas ta’ social contributions. Permezz ta’ xogħol flessibbli u remote working, ħafna ommijiet jistgħu jibqgħu jaħdmu full-time, iżommu l-paga tagħhom, ikomplu jibnu karriera u jassiguraw futur ekonomiku aktar stabbli għalihom u għal uliedhom.
Madankollu, il-manifest ma jieqafx biss fuq il-flessibbiltà tax-xogħol. Il-proposta dwar sitt xhur parental leave imħallas mill-Gvern hija wkoll pass importanti ħafna lejn soċjetà aktar ġusta u bilanċjata. Il-fatt li dan il-leave jista’ jinqasam bejn iż-żewġ ġenituri skont il-bżonnijiet tal-familja huwa pass konkret lejn relazzjonijiet aktar egalitarji. Dan ifisser li r-responsabbiltà tat-trobbija tat-tfal ma tibqax awtomatikament titqies bħala “xogħol tal-mara”.
Fil-fatt, statistika Ewropea turi li madwar 44% tal-Ewropej għadhom jemmnu li l-kura u t-trobbija tat-tfal taqa’ primarjament fuq il-mara. Dan juri kemm l-isterjotipi tradizzjonali għadhom preżenti fis-soċjetà tagħna. Għalhekk, miżuri bħal parental leave maqsum bejn il-ġenituri jistgħu jgħinu biex dawn il-mentalitajiet jinbidlu gradwalment. Meta missirijiet ikunu mħeġġa jieħdu sehem aktar attiv fit-trobbija tat-tfal, il-piż emozzjonali u fiżiku fuq l-omm jonqos, u l-familja kollha tibbenefika.
Barra minn hekk, il-flessibbiltà u remote working mhumiex importanti biss għall-ġenituri. Dawn huma kruċjali wkoll għal persuni li jgħixu b’kundizzjonijiet mediċi jew diżabilitajiet inviżibbli, bħall-fibromyalgia. Ħafna minn dawn il-persuni għadhom ma jkunux mifhuma biżżejjed mill-impjegaturi tagħhom. Persuna bil-fibromyalgia tista’ tkun kapaċi taħdem b’mod effiċjenti għal ftit sigħat, tieħu mistrieħ meta jkollha bżonn, u mbagħad terġa’ tkompli x-xogħol tagħha aktar tard. Remote working jista’ jippermettilhom iżommu impjieg full-time mingħajr ma jissagrifikaw saħħithom jew id-dħul tagħhom.
Fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-proposti ma joffrux biss aktar konvenjenza; huma miżuri li jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u jnaqqsu l-inugwaljanzi fis-soċjetà. Manifest li jagħraf il-bżonnijiet differenti tal-familji, tal-ġenituri u ta’ persuni vulnerabbli huwa manifest li qed jipprova jibni soċjetà aktar inklużiva u umana. Il-bidliet fid-dinja tax-xogħol għandhom jimxu id f’id ma’ bidliet kulturali u relazzjonijiet aktar ugwali fil-familja, sabiex il-flessibbiltà ma ssirx biss mezz biex l-omm tagħmel aktar xogħol, iżda opportunità vera għal bilanċ u ugwaljanza.

