Matul dawn l-aħħar jiem, bħala parti mill-attivitajiet fil-programm pubbliku tal-Malta Biennale 2026, ittella’ workshop interattiv għat-tfal bit-titlu Primal Gestures immexxi minn Victor Agius fil-Park Arkeoloġiku tal-Ġgantija, Għawdex. Dan filwaqt li fuq jumejn seħħ wieħed mill-avvenimenti paralleli bl-isem Darija Divan, fil-Pjazza tal-Parroċċa ta’ San Pawl, fir-Rabat, Malta.
Sat-22 ta’ Mejju se jibqa’ għaddej il-workshop għat-tfal bit-titlu What is Contemporary Art? U t-Tlieta li għadda sar workshop maħsub għal persuni neqsin mid-dawl, bit-titlu Textures. F’dan il-workshop, il-parteċipanti ġew iggwidati biex jesploraw diversi materjali bħal drapp, sandpaper, buttuni, u oġġetti naturali, sabiex jiskopru kif materjali differenti jistgħu jqanqlu emozzjonijiet, memorji u stejjer. Iż-żewġ workshops saru fil-MUŻA – il-Mużew Nazzjonali tal-Arti tal-Komunità.
Barra minn hekk, fil-jiem li għaddew saret it-tieni żjara uffiċjali mill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, fit-tliet siti ta’ Heritage Malta li jinsabu f’Għawdex, fejn tinsab il-wirja internazzjonali tal-Malta Biennale.
L-Eċċellenza Tagħha żaret iċ-Ċentru Kulturali fiċ-Ċittadella, fir-Rabat, kif ukoll il-Park Arkeoloġiku tal-Ġgantija u l-Mitħna Ta’ Kola, fix-Xagħra. Il-President kienet akkumpanjata mill-President tal-Malta Biennale u Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, flimkien ma’ uffiċjali eżekuttivi u kuraturi tal-aġenzija.
Intant, l-avveniment Ground 99 intemm is-Sibt li għadda filwaqt li l-wirja kollettiva bit-titlu Nothing is Clear, f’axis_, Ħ’Attard, se tibqa’ għaddejja sad-29 ta’ Mejju. L-avvenimenti paralleli li jmiss jinkludu Sonic Sediments, li se jsir nhar l-Erbgħa li ġej f’Ħaġar Qim, u l-aħħar avveniment fil-programm pubbliku, li se jsir fit-28 ta’ Mejju, bit-titlu Danse Macabre. Din il-prestazzjoni parteċipattiva se tittella’ fil-Barrakka ta’ Fuq, fil-Belt Valletta.
L-iskeda sħiħa tal-wirjiet, l-artisti parteċipanti, il-padiljuni u l-attivitajiet fil-programm pubbliku tinsab f’maltabiennale.art.
Il-biljetti għall-Malta Biennale jistgħu jinxtraw online minn maltabiennale.art, fejn hija disponibbli b’xejn il-gwida uffiċjali li tgħin lil kull min jixtieq iżur il-Biennale biex itejjeb l-esperjenza u ż-żjara tiegħu. Il-Katalgu tal-Malta Biennale 2026 jista’ jinxtara online jew mis-siti tal-Biennale.

