L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat it-tifqigħa tal-Ebola fil-provinċja ta’ Ituri fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo bħala emerġenza ta’ tħassib internazzjonali.
Il-WHO qalet li għalkemm ġew irrapportati 246 każ suspettat u 80 mewt, din it-tifqigħa ma tissodisfax il-kriterji ta’ emerġenza pandemika.
Id-Direttur Ġenerali tal-WHO, Dr Tedros Adhanom Ghebreyesus, wissa li bħalissa hemm “inċertezzi sinifikanti dwar in-numru veru ta’ persuni infettati u t-tixrid b’mod ġeografiku” tat-tifqigħa.
Il-WHO qalet ukoll li t-tifqigħa hi kkawżata mill-virus Bundibugyo, li għalih m’hemmx mediċini jew vaċċini approvati.
Il-pajjiżi li jmissu mar-Repubblika Demokratika tal-Kongo huma kkunsidrati ta’ riskju għoli għal aktar tixrid minħabba l-mobbiltà tal-popolazzjoni, il-kummerċ u l-ivvjaġġar.

