Koppja Rumena ngħatat il-ħelsien mill-arrest wara li wieġbet mhux ħatja li serqet flus u oġġetti oħra minn fuq in-nies, f’każi ta’ allegat pickpocketing.
L-imputati huma Sandu Marius ta’ 44 sena u martu Lucica Ivanciv ta’ 43 sena.
Il-prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti kif bejn April u Mejju, il-pulizija bdiet tirċievi diversi rapporti ta’ serq, fejn beda jirriżulta li l-istess koppja allegatament kienet involuta f’minn tal-inqas erba’ serqiet minn 22 rapport ta’ pickpocketing fil-Belt Valletta.
Kienu filmati tal-kameras tas-sigurtà li wasslu lill-Pulizija għall-imputati, li ġew arrestati l-Ġimgħa li għadda fil-Barrakka ta’ Fuq.
Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li l-koppja kienu qatgħu “one way ticket” għal Malta u ġew f’pajjiżna fit-22 ta’ April li għadda. Ġie spjegat ukoll li l-ewwel rapport ta’ serq kien erbat ijiem wara l-wasla tagħhom.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi.
Id-Difiża qalet li l-koppja kellha indirizz fiss f’Tas-Sliema, li l-ammont ma kienx daqshekk kbir u ma setgħux javviċinaw lix-xhieda għax ma kinux jafu min huma filwaqt li kellha fedina penali relattivament netta.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Ann-Marie Thake laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €8,000 kull wieħed filwaqt li jiffirmaw l-għassa darbtejn kuljum.
Id-difiża tmexxiet mill-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Rizzo u l-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Stephen Gulia u Julia Micallef Stafrace.

